Results

Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

04/06/2017 | Press release | Distributed by Public on 04/13/2017 06:21

IL-MINISTRU HERRERA JĦABBAR LI NTLAĦAQ FTEHIM MAL-OPERATURI TAL-BARRIERI DWAR IR-RIMI TAL-ISKART LI ĠEJ MILL-KOSTRUZZJONI U MIT-TWAQQIGĦ

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera ħabbar li ntlaħaq ftehim flimkien mal-operaturi tal-barrieri u r-rappreżentanti tagħhom fejn ġiet riżolta kwistjoni li kienet ilha tkarkar is-snin. Issa l-pajjiż ser ikun qed jerġa' jilqa' għad-domanda tal-iskart li ġej mill-kostruzzjoni u mit-twaqqigħ (construction and demolition waste).

Fil-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru ħabbar ukoll inċentiv finanzjarju fiskali li ser ikompli jagħti aktar spinta lill-industrija tal-barrieri ħalli tilqa' aktar skart tal-kostruzzjoni.

Il-Ministru Herrera spjega li malli qamet din il-kwistjoni mar quddiem il-Kabinett biex tiġi indirizzata din l-isfida u sussegwentament il-Gvern fassal u ser jippubblika regolamenti ġodda li jagħtu l-poter lill-istess Gvern li juża dawk l-ispazji vojta biex fihom jilqa' l-iskart tal-kostruzzjoni u l-operatur jingħata kumpens addegwat. Filwaqt li l-Awtorità għall-Ambjent (ERA) bagħtet ukoll Notification Letter lill-operaturi tal-barrieri sabiex ikun aċċertat li dawn jilqgħu għandhom skart illi ġej mingħand terzi persuni, u li fl-eventwalità li l-istess operaturi tal-barrieri jibqaw ma jilqgħux dan l-iskart, il-Gvern bis-saħħa ta' dawn ir-regolamenti l-ġodda jkun jista' jintervjeni ħalli jiżblokka s-sitwazzjoni.

Il-Ministru ħabbar li b'effett immedjat diġà nfetħu mas-seba' barrieri tal-franka fil-limiti taż-Żurrieq li qed jilqgħu l-iskart tal-kostruzzjoni. Filwaqt li fil-ġranet li ġejjin ser tkun qed tinfetaħ waħda mill-ikbar barrieri vojta fil-limiti taż-Żurrieq ukoll biex tilqa' dan it-tip ta' skart.

Huwa qal li sussegwentament għaddejjin trattativi bejn l-Awtoritajiet kompetenti u l-operaturi tal-barrieri biex jitħaffef il-proċess tal-Operating Permit biex fil-ġimgħat li ġejjin ikomplu jinfetħu aktar barrieri.

Il-Ministru kompla jispjega li l-Gvern kellhu diskussjonijiet ma' rappreżentanti tal-barrieri, fejn fehem li l-operaturi jridu jkomplu jiġu mgħejjuna biex ilkoll flimkien jgħinu tkun indirizzata l-isfida tal-iskart f'pajjiżna. Ħafna drabi dan l-iskart ikollu jiġi anke sseparat biex ikun rriċiklat li mbagħad iwassal għall-piżijiet fuq l-istess operaturi li jirriflettu f'aktar spejjeż fuq il-kuntrattur, u li allura jkollu jagħmel tajjeb għalihom il-konsumatur. Qal li kemm jista' jkun il-Gvern irid ikompli jwieżen l-konsumatur u mhux jitfa' aktar piż fuqu għaliex din wara kollox hija katina.

Għalhekk huwa ħabbar li l-Gvern ser ikun qed joħroġ inċentiv fiskali li jippermetti lill-istess operaturi illi jagħżlu li flok iħallsu bir-rata normali ta' taxxa, tapplika konċessjoni u jħallsu bl-għaxra fil-mija final witholding tax għal kull tunnellata ta' skart ta' kostruzzjoni li huma jirċievu fil-barrieri tagħhom, fejn il-prezz ma jaqbiżx il-€5.50c fuq kull tunnellata. Dan l-inċentiv ser ikun qed japplika għal tliet snin u jibbenefikaw minnu biss dawk l-operaturi li għandhom il-permessi neċessarji li jaċċettaw l-iskart tal-kostruzzjoni li ġej minn terzi persuni.

Il-Ministru temm jgħid li jemmen dawn il-proposti ser ikomplu jinċentivaw aktar lill-operaturi tal-barrieri li mhux biss jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom u jaċċettaw skart tal-kostruzzjoni.