MFA - Malta Football Association

11/14/2016 | News release | Distributed by Public on 11/14/2016 14:44

'Inħobb lil Malta u lill-Maltin daqs kull...

Mark Attard, Media Officer

Pietro Ghedin, kowċ tat-tim nazzjonali Malti, illum wara nofsinhar, qabel it-taħriġ uffiċjali li sar fil-5.00pm fl-Istadium Nazzjonali, f'Ta' Qali, ta konferenza stampa li fiha esprima ruħu daqslikieku persuna Maltija li jħobb lil Malta u lil Maltin bħal kumplament tal-poplu Malti.

F'konferenza xi ftit imqanqla iktar mis-soltu, Ghedin qal:

'Il-kritika tagħkom naċċettaha dejjem sakemm tkun kostruttiva. Fil-verita' il-kritika toġogħbni. Niddejjaq biss meta l-kritika bħal donnha tkun intenzjonata u biex tweġġa'. Inħobb lil Malta u lill-Maltin daqs kull Malti ieħor. Meta nispiċċa jien minn kowċ nixtieq li n-nies jibqgħu jiftakruni bħala l-persuna li tajt ħilti kollha biex intejjeb il-livell tal-futbol Malti u tal-plejers Maltin,' qal Pietro Ghedin.

Mistoqsi jekk qattx ħasiba għandux jirriżenja mill-kariga wara nuqqas ta' riżultati li akkwista t-tim nazzjonali dan l-aħħar, Ghedin wieġeb:

'Riżenja tkun tfisser djufija. Jien minix bniedem dagħjef. Anzi nħobb niffaċċja l-problemi u nsolvihom,' qal il-kowċ nazzjonali.

Mistoqsi fuq il-partita ta' għada, Ghedin qal li kulħadd jaf x'tim għandhom l-Iżlanda u wrew dan kollu proprju fil-Kampjonati Ewropej is-sajf li għadda.

'Għada se tkun partita oħra diffiċli ħafna. Bħal dejjem, aħna nippruvaw nagħtu l-mija fil-mija tagħna. Xi kultant ikollna bżonn ftit aktar fiduċja fina nfusna u xi ftit aktar furtuna. Fil-verita' konna neqsien minn dan kollu fl-aħħar ħarġiet tagħna,' qal Ghedin.

Mistoqsi fuq is-sistema ta' logħba li jilgħab it-tim nazzjonali li jiddefendi wisq, Ghedin qal:

'Ilhi Malta mill-2012. Dejjem lagħbna l-istess sistema. Iżda dan l-aħħar qed tistaqsuni wisq fuq dan. Aħna rridu nilagħbu skont dak li għandna. M'aħniex dak it-tim li nistgħu nibdlu stilla u ndaħħlu minfloku stilla. Allura naħseb li jkun 'better safe than sorry'. F'dan l-aħħar tliet timijiet rajna pajjiżi żgħar oħra li sofrew telfiet b'gowls umiljanti ta' ħamsa, sitta u tmien gowls,' qal Ghedin.

Mistoqsi jekk għandux jibdel it-tattika tat-tim, Ghedin kien ċar:

'M'għandnix ħin naħdmu fuq dan. Il-pejers m'għadhomx bħal qabel li jitħarrġu tliet darbiet fil-ġimgħa miegħi. Nista' nibdel u nagħmel pjan ieħor iżda tkun riskjuża wisq l-affari. Iżda ġieli jkun hemm mumenti li nibdlu s-sistema waqt il-partita. Kontra s-Slovenja kien hemm mumenti li lagħbna anki 5-2-3' qal Ghedin.

Ghedin kien akkumpanjat minn Michael Mifsud, captain tat-tim nazzjonali Malti li jekk jilgħab kontra l-Iżlanda jkun laħaq rekord ta' 123 partita bil-flokk nazzjonali.