Results

Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

12/01/2016 | Press release | Distributed by Public on 12/05/2016 02:53

LAQGĦA MA’ KWAŻI ERBGĦIN PRESIDENT U MEMBRU TAL-BOARD TAL-EUROPEAN LANDOWNERS’ ORGANISATION

Lejliet il-bidu tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru José Herrera kompla bl-impenji tiegħu f'Malta u barra minn xtutna fejn qed jiltaqa' ma' numru ta' ministri, MEPs, kif ukoll stakeholders importanti biex jispjegalhom il-prijoritajiet ta' Malta għas-sitt xhur li ġejjin f'dak li għandu x'jaqsam l-ambjent.

F'Malta l-Ministru Herrera żamm laqgħa ma' kważi erbgħin president u membru tal-board tal-European Landowners' Organisation, li ġejjin mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Waqt il-laqgħa l-Ministru Herrera ppreżenta l-prijoritajiet tal-ministeru tiegħu waqt il-Presidenza Maltija tal-UE 2017, u spjega li se jibni fuq il-ħidma mwettqa mill-Presidenza Slovakka u jkompli x-xogħol leġiżlattiv fuq diversi files partikularment dawk tal-ekonomija ċirkolari u t-tibdil fil-klima.

Il-Ministru Herrera żied li bħalissa qiegħed jipprepara, jiltaqa' u jisma' lid-diversi stakeholders sabiex jassigura li jkun honest broker waqt il-Presidenza. Kompla jgħid li waqt il-laqgħa informali tal-Ministri tal-Ambjent tal-UE li se ssir f'Malta f'April tal-2017, għandu l-intenzjoni li jiddiskuti s-suġġetti tal-ilma, it-tibdil fil-klima u l-ekonomija ċirkulari.

Waqt din il-laqgħa l-membri preżenti staqsew diversi mistoqsijiet relatati mas-suġġett.

Aktar tard dan ix-xahar il-Ministru Herrera mistenni jkun Brussell fejn se jattendi għall-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent qabel ma Malta tieħu formalment it-tmexxija tal-Presidenza.

Ritratt: MSDEC