Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

02/08/2017 | Press release | Distributed by Public on 02/23/2017 02:40

GĦAJNUNA LILL-KUNSILLI LOKALI BIEX ISEBBĦU L-AMBJENT

Sitt kunsilli lokali ser ikunu qed jibbenefikaw mal-kważi mitejn elf ewro f'fondi għall-ġid u l-benefiċju tal-komunitajiet. Il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima ffirma ftehim ma' sitt kunsilli lokali bħala parti mill-proġett 'Tħaddir tal-Komunitajiet'. Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti flimkien ma' Sindki u s-Segretarji Eżekuttivi rispettivi tas-sitt kunsilli lokali li ser jibbenefikaw minn dan il-proġett.

Il-konferenza tal-aħbarijiet ġie organizzata fil-qalba tal-komunità tal-Belt Valletta, f'post li fih jgħixu mas-sittin familja, u li huwa xhieda ta' komunità ħajja u attiva, qal il-Ministru Herrera.

Il-Kunsilli Lokali li ntagħżlu din is-sena biex jibbenefikaw minn dawn il-proġetti huma l-Belt Valletta, il-Ħamrun, in-Naxxar, il-Marsa, Ħaż-Żebbuġ Malta, u l-Għarb Għawdex. L-allokazzjoni għal dawn il-Kunsilli Lokali ser tkun ta' 180,000 ewro, li 75% tal-fondi ingħataw mal-iffirmar tal-ftehim, u 25% tal-fondi ser ikunu qed jingħataw mat-tlestija tal-proġett.

Fil-Belt Valletta ser ikunu qed jitħawwlu elfejn u għoxrin arbuxella fil-Ġnien Hastings, f'Peacock Garden u ħdejn il-Gunpost, fost siti oħra. Fil-Marsa ser ikunu qed jitħawwlu madwar seba' mitt siġra u mitejn u ħames arbuxelli f'diversi siti, fosthom fil-housing estates, f'Port San Tumas, u fi Triq Ċentru Ewkaristiku. Fil-Ħamrun ser iħawwlu erbatax il-siġra u ħames mija u tletin arbuxelli f'diversi siti fosthom fi Triq il-Kbira San Ġużepp u Tar-Rabbat Flats.

B'dawn il-fondi l-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ Malta ser ikunu qed jintużaw biex iħawwlu kważi mija u erbgħin siġra u mitejn u sittax arbuxella f'Ħal Mula housing estate u Ġnien l-Infetti, fost siti oħra. Fin-Naxxar ser iħawwlu tnejn u tletin siġra u tlett mija u ħamsa u għoxrin arbuxella f'diversi siti fosthom fi Vjal 21 Settembru, u fi Triq il-Qoton, waqt li l-Għarb Għawdex ser iħawwlu tlieta u erbgħin siġra u seba' mija u sittax-il arbuxella f'diversi siti fosthom fi Pjazza Viżitazzjoni u Wied il-Mielaħ.

Il-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera qal li l-kwalità tal-ħajja tar-residenti u ta' dawk kollha li jżuru dawn il-lokalitajiet titjieb għaliex fi kliemu l-urban huwa parti mill-ambjent u allura l-proġetti illi ser ikunu qed jibbenefikaw minnhom il-Kunsilli Lokali ser ikunu qed iħallu impatt pożittiv għall-ġid tal-lokalitajiet tagħna.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo spjega kif din l-iskema bdiet bħala proġett pilota fis-sena 2015, u tant kienet ta suċċess li saret skema permanenti. Buontempo qal kif minn meta bdiet din l-iskema sal-lum il-ġurnata ibbenefikaw total ta' 21 lokalità b'allokazzjoni ta' flus ta' madwar 710,000 ewro.

Buontempo kompla billi stqarr kif dan il-Gvern għandu l-ambjent bħala prijorità u kif ma ħeliex żmien sabiex ineħħi darba għal dejjem l-użu tal-Heavy Fuel Oil u minflok saret il-bidla fil-produzzjoni tal-elettriku lokali permezz tal-użu tal-LNG (liquefied natural gas). Bidla li mhux biss hi revoluzzjonarja għal pajjiżna, iżda bidla li tagħmel impatt pożittiv fuq l-indafa tal-arja ta' pajjiżna, qal is-Segretarju Parlamentari.

B'din l-iskema, qed tiġi ndirizzata l-problema ta' nuqqas ta' ġonna fl-ibliet u rħula tagħna u riżultat ta' din l-iskema stess qed igawdu il-komunitajiet Maltin u Għawdxin. Buontempo temm l-intervent tiegħu billi qal kif din is-sena biss il-Kunsilli Lokali bejniethom għandhom 11-il proġett ta' spazji miftuħa b'investiment ta' 2.5 miljun, u dan juri biċ-ċar l-impenn ta' dan il-Gvern fil-qasam tal-ambjent u green communities.

Din il-Konferenza tal-Aħbarijiet ġiet indirizzata ukoll miċ-Chairperson tal-Fondazzjoni 2018 Jason Micallef, fejn qal li bħala fondazzjoni li hi responsabbli mir-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tal-Belt Valletta tilqa' b'sodisfazzjon inizjattivi bħal dawn fil-qalba tal-komunità.