Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

02/09/2017 | Press release | Distributed by Public on 02/23/2017 03:30

MITEJN ELF EWRO GĦAL STUDJI FUQ SITI BIEX JIĠU RIKONOXXUTI MILL-UNESCO

Id-Dwejra u l-Park tal-Majjistal huma fost is-siti li ser jiġu kkunsidrati biex għall-ewwel darba jkunu meqjusa Wirt Dinji jew National Geoparks. Għal dan il-għan, il-Gvern alloka mitejn elf ewro biex isiru dawn l-istudji minn kumitat apposta presedut mill-Professur Henry Frendo. Din hija l-ewwel darba li l-Gvern ser ikun qed imexxi 'l quddiem din l-inizjattiva, deskritta bħala importanti ħafna partikolarment għar-rikonoxximent fuq skala dinjija li dawn is-siti jistgħu ikollhom. Sal-lum l-uniċi siti rikonoxxuti mill-UNESCO huma dawk tal-Belt Valletta u tempji neolitiċi li jinsabu madwar Malta u Għawdex u dan bħala wirt storiku.

Qal dan il-Ministru Josè Herrera f'konferenza tal-aħbarijiet fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali fl-Imdina, fil-preżenza tal-membri l-oħra tal-kumitat li ingħataw mandat ta' tlett snin biex iwettqu dawn l-istudji.

Apparti l-Professur Frendo, li f'indirizz qasir faħħar din l-inizjattiva u radd ħajr lill-Ministru talli qed jemmen f'dan il-proġett, hemm ukoll il-membri Catherine Tabone, Claudio Maria Marciano Di Scala, Frank Zammit, Dr Nathaniel Cutajar, Edward Gilson u Yanica Sammut ser tkun is-Segretarja ta' dan il-Kumitat.

Il-Ministru spjega li x-xogħol ta' dan il-Kumitat ser ikun primarjament biex jidentifika u jirrakomanda territorji jew parks naturali li għandhom karatteristiċi ġeoloġiċi li jippromwovu l-patrimonju dinji u s-sostenn ta' komunitajiet lokali sabiex jiġu inklużi fil-UNESCO Global Geoparks Network. Malli jsir dan, il-Kumitat għandu jissorvelja l-iżvilupp tal-ewwel sit bħala Geopark sabiex jiġi elenkat mill-UNESCO.

Il-Ministru Herrera kompla jispjega li l-Kumitat għandu wkoll jesplora l-possibiltà li jirrikmanda aktar siti li jistgħu jiġu inklużi fil-UNESCO World Heritage Sites.

Huwa temm jgħid li dan kollhu qed issir biex nisalvagwardjaw siti ta' portata ambjentali, storiċi, kulturali u edukattivi.