Results

MFA - Malta Football Association

12/20/2016 | News release | Distributed by Public on 12/20/2016 09:54

“F’finali jista’ jiġri kollox”

Erbgħa mill-protagonisti tal-finali tas-Super Cup ta' għada l-Erbgħa 21 ta' Diċembru bejn Valletta FC u Sliema Wanderers FC, ilkoll jaqblu li l-partita ta' għada hi finali li fiha jista' jiġri kollox.

Għall-konfernza stampa li organizzat dalgħodu l-Malta Football Association, kienu mistiedna Paul Zammit u John Buttigieg, kowċis ta' Valletta FC u Sliema Wanderers FC rispettivament u Ryan Camilleri u Alex Muscat, plejers ta' Valletta FC u Sliema Wanderers FC.

L-erba' kelliema kellhom l-opinjonijiet tagħhom fuq il-partita ta' għada u l-erbgħa li huma jaħsbu li jekk tkun il-ġurnata tagħhom u l-plejers ikunu fl-aqwa kundizzjoni, jidħlu b'ċans tajjeb li jirbħu din l-aħħar partita tas-sena u l-aħħar unur tas-sena.

John Buttigieg, kowċ ta' Sliema Wanderers qal li l-partita ta' għada se tkun għat-tielet l-ikbar unur tal-istaġun u jistenna li l-plejer tiegħu jqumu għall-okkażjoni u jagħtu l-aħjar wirja possibbli.

'Dan hu t-tielet l-ikbar unur tal-istaġun li klabb jista' jirbaħ. Se nagħmlu minn kollox biex nirbħu din il-partita li għalina tista' tifisser ħafna biex inkomplu l-istaġun fuq nota pożittiva. Konvint li kulħadd se jagħtu l-aqwa tiegħu, inkluż il-plejers ta' Valletta. Nawgura partita tajba lil kulħadd,' qal Buttigieg.

Paul Zammit, kowċ ta' Valletta FC, qal li ż-żewġ timijiet qegħdin hawn għax jistħoqqilhom u għax l-istaġun li għadda rebħu xi ħaġa.

'Qed inħarsu lejn din il-partita b'ottimiżmu u partita hekk għandha timmotivana. F'dan l-istaġun diġa' għaddejna minn ħafna ups and downs u minkejja dan kollu ninsabu f'pożizzjoni ma' ta' fuq fil-klassifika.

'Sliema kellhom kowċ ġdid dan l-istaġun u dan jista' jgħinhom ħafna anki mil-lat ta' motivazzjoni. Nawgura li tkun partita sabiħa. Żgur li se tkun partita li tista' tmur kull naħa,' qal Zammit.

Alex Muscat, captain ta' Sliema Wanderers FC, indirizza lill-media lokali u bħal ta' qablu qal li f'partita hekk jista' jiġri kollox.

'Finali dejjem finali. Is-sabiħ tal-partita hu li se tilgħab għall-Tazza f'90 minuta u li l-partita tista' tmur kull naħa. Ninsab ċert li jien u sħabi se nqumu għall-okkażjoni u nagħtu l-aħjar possibbli għalina u għas-Slimiżi,' qal Muscat.

Ryan Camilleri, plejer ta' Valletta FC, faħħar lil dawk wara d-deċiżjoni biex din il-partita tintlagħab issa u mhux fil-bidu tal-istaġun.

'Tajjeb li se tintlagħab issa u mhux kif kien qabel, fl-aqwa tas-sajf. Il-plejers bħalissa jkunu jistgħu jagħtu l-aqwa tagħhom mentri fis-sajf ikunu għadhom jibdew u kienu jilagħbu din il-finali taħt sħana kbira.

'Għandha tkun partita sabiħa li tagħlaq is-sena bit-tajjeb għal min jirbaħa. Konvint li bl-aħjar wirja tagħna nistgħu nieħdu unur ieħor lejn il-Belt Valletta,' qal Camilleri.