Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

05/13/2017 | Press release | Distributed by Public on 05/29/2017 08:36

AKTAR NIFS LIL ĦAŻ-ŻABBAR: IMNIEDI L-PROĠETT GĦAR-RIABILITAZZJONI TAL-ĠNIEN TAL-FOSS

Il-Ġnien tal-Foss f'Ħaż-Żabbar se jkun qed jinbidel f'park għall-familji u r-residenti hekk kif il-gvern se jkun qed iwettaq proġett ta' riabilitazzjoni tal-inħawi li bħalissa qiegħed fi stat ta' telqa.

F'konferenza tal-aħbarijiet fis-sit, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli u l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera taw dettalji dwar il-proġett li jkopri erbgħa u erbgħin tomna ta' art u li hu stmat li jiswa mal-miljun u nofs ewro.

Il-proġett se jinvolvi t-tindif tal-inħawi, il-ħolqien ta' passaġġi naturali, installazzjoni ta' sistema ta' dawl, ħolqien ta' picnic areas, inħawi fejn it-tfal ikunu jistgħu jilagħbu, petting zoo, park għall-klieb u outdoor gym.

Il-Ministru Helena Dalli ddeskriviet il-proġett bħala ħolqa oħra fil-kullana ta' xogħol li qed isir mill-gvern biex jagħti nifs lin-naħa t'isfel ta' Malta. Dr Dalli qalet li dan jorbot ukoll mal-pjanijiet li tħabbru fil-jiem li għaddew dwar l-għeluq b'mod gradwali tal-impjant tar-riċiklaġġ f'Wied il-Għajn.

Fi kliem il-Ministru Dalli, ir-riabilitazzjoni tal-Ġnien tal-Foss se jagħti lill-poplu Żabbari u lir-residenti tal-Kottonera aktar nifs liż-żona filwaqt li se jservi ta' spazju fejn il-familji jistgħu jgħaddu ħin ta' mistrieħ. Dr Dalli qalet li l-gvern se jkun qed iwettaq din il-wegħda bħalma wettaq wegħdi elettorali oħra tul din il-leġislatura.

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima José Herrera spjega kif filwaqt li l-ġnien se jitħalla fl-istat naturali tiegħu, ser ikun ukoll mibdul f'park għall-familja. Qal li min-naħa tad-Direttorat tal-Parks, sar u se jitkompla x-xogħol ta' restawr tal-ħitan tas-sejjieħ, se jitħawlu numru ta' siġar indiġeni flok dawk invażivi, filwaqt li se jinbnew kafeterija u latrini pubbliċi.

Dr Herrera qal li diġà ngħataw sponsorship mill-bank APS ta' €70,000 biex jinbdew ċertu xogħlijiet, filwaqt li l-Ministeru se jkun qed japplika għall-fondi Ewropej.

Iċ-Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini (BICC) il-Perit Charles Buhagiar semma' kif il-BICC tat il-kontribut tagħha fil-fażi preparatorja biex fost l-oħrajn setgħu jitħejjew il-pjanti mill-Perit Martin Debono.

Il-Perit Buhagiar qal li l-proġett għandu jservi wkoll biex jesponi l-fortifikazzjonijiet li bħalissa hemm moħbija biex dawn jibdew jitgawdew mhux biss mill-pubbliku imma wkoll mit-turisti.