Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

01/28/2017 | Press release | Distributed by Public on 02/06/2017 06:20

AKTAR MINN 250 KILO TAPP TAL-PLASTIK MIĠBURA FIL-LOKALITÀ TAL-MARSA

Aktar minn 250 kilo tapp tal-plastik inġabru fil-lokalità tal-Marsa minn 19-il tifel u tifla residenti tal-lokal. Il-plastik jagħmel ħsara ambjentali kbira meta ma jintremix kif suppost, partikolarment meta jintrema fil-baħar jagħmel ħsara wkoll lill-ħut u fkieren tal-baħar fost oħrajn.

Għat-tieni darba f'inqas minn ġimgħa l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima José Herrera kompla għaddej bil-kampanja pożittiva li l-Ministeru tal-Ambjent qed jagħmel biex inkomplu ninċentivaw il-volontarjat biex insaħħu l-ambjent. Din id-darba l-Ministru Herrera ppreżenta l-premijiet lill-parteċipanti kollha li ħadu sehem fil-ġbir ta' dawn it-tappijiet tal-plastik.

Il-Ministru Herrera rringrazzja lill-Kunsill Lokali tal-Marsa tal-inizjattiva li ħadu biex iqajmu aktar għarfien dwar l-importanza li nirriċiklaw il-plastik u li nibżgħu għall-ambjent, filwaqt li bl-inizjattiva li ħadu għenu wkoll lill-Community Chest Fund.

Ta' min ifakkar ukoll li din il-ġimgħa l-Ministru Herrera għen lill-tmien għaqdiet oħra mhux governattivi bħala parti mill-kampanja pożittiva li l-Ministeru tiegħu qed jagħmel biex ikomplu jinvestu fl-ambjent ta' madwarna.