Results

Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

02/23/2017 | Press release | Distributed by Public on 03/07/2017 03:08

IL-MINISTRU HERRERA JVARA INVESTIMENT TA’ NOFS MILJUN EWRO F’MAKKINARJU

'Illum bi pjaċir qiegħed invara investiment ta' nofs miljun ewro f'makkinarju li qegħdin nagħmlu għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema tagħna fid-diversi dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru li għalih jien politikament responsabbli.' Dan ħabbru llum il-Ministru Herrera waqt konferenza stampa li saret ġewwa l-Petting Farm, f'Ta' Qali.

Huwa spjega li t-teknoloġija llum hija parti integrali mit-twettiq tal-ħidma ta' kuljum u mingħajr ma' wieħed jinvesti fl-aqwa teknoloġija, ma jistax ikun effiċjenti u effettiv f'xogħlu. Huwa kompla jgħid li inġenji moderni jħaffu l-piż tal-ħidma fuq il-ħaddiema u jgħinuhom jagħmlu aktar, b'inqas sforz fiżiku. Filwaqt li ambjent ikkurat kif jixraq ukoll għandu bżonn l-aqwa teknoloġija sew fl-uffiċċji, kif ukoll fuq il-lant tax-xogħol.

'Minn telqa ta' snin twal inħossni sodisfatt li qed intaffu ftit mit-tbatija ta' kuljum ta' dawn il-ħaddiema', tenna l-Ministru Herrera.

Fix-xiri ta' dan il-makkinarju, għall-ewwel darba, il-Ministeru ser ikollu żewġ vetturi elettriċi li ser jieħdu post żewġ karozzi konvenzjonali li jaħdmu bil-petrol. Dawn il-karozzi ser jintużaw għall-użu ta' uffiċċju u permezz tagħhom ser ikunu wkoll qed jagħtu kontribuzzjoni lejn inqas tniġġis fl-arja.

Il-Ministru spjega li din l-inizjattiva ġiet varata fid-Direttorat tal-Parks sabiex jiġi rikonoxxut l-importanza tal-ħidma ta' dan id-Direttorat biex ikollna parks li jistgħu jitgawdew mill-poplu Malti.

Id-Direttorat tal-Parks twaqqaf biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-pubbliku permezz ta' diversi proġetti u xogħlijiet li jvarjaw minn proġetti ta' afforestazzjoni għal proġetti ta' tisbiħ. Dan apparti l-proġetti ma jaqtgħu xejn ta' inizjattivi li jieħdu u għajnuniet li jagħtu. Ix-xogħlijiet li saru u li qed isiru f'Ta' Qali, Salina, il-Buskett u Marsaskala huma biss eżempju żgħir tax-xogħol kbir li qed jagħmel dan id-Direttorat.

Il-Ministru Herrera ħabbar li l-istruttura tad-Direttorat ser tkun riformata billi tingħata aktar responsabbiltajiet ta' natura ambjentali b'rikonoxximent għall-ħila li wrew il-ħaddiema b'mod kollettiv. Dan ifisser li ser isaħħu din l-istruttura u joħolqu opportunitajiet ġodda għall-istess ħaddiema li jistgħu jgħallmu ħaddiema oħra li għad iridu jiġu ngaġġati biex iwettqu ħidma fejjieda għall-ħarsien u t-tisħiħ tal-kuxjenza ambjentali u l-apprezzament tal-pajsaġġ Malti, kemm fost il-ġenerazzjonijiet tal-lum u anke ta' għada.

'Illum aktar minn qatt qabel qed tikber fuqna ir-responsabbiltà li siti ta' kapital naturali intuhom l-ogħla importanza. Hekk jagħmel gvern bi kredenzjali ambjentali sodi. Nixtieq intenni l-appoġġ tiegħi lejkom li ser tiġu fdati biex l-ambjent Malti jagħmel dik il-qabża li sa issa dejjem aljenat lill-amministrazzjonijiet preċedenti' temm jgħid il-Ministru Herrera.