Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

03/26/2017 | Press release | Distributed by Public on 03/30/2017 01:22

IL-MINISTRU HERRERA MISTIEDEN FL-ITALJA FL-OKKAŻJONI TAS-SITTIN ANNIVERSARJU MIT-TRATTAT TA’ RUMA

Fl-okkażjoni tas-sittin Anniversarju tat-Trattat ta' Ruma, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Josè Herrera kien mistieden biex jindirizza konferenza speċjali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li nżammet fil-Parlament Taljan.

Il-laqgħa nżammet fis-Sala della Regina, ġewwa l-Kamra tad-Deputati tal-Parlament Taljan, u li għaliha kien hemm mistieden rappreżentanti tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Bit-tema 'Europe Ambition 2030', id-diskussjoni ffukkat fuq x'ser jagħmlu l-pajjiżi biex jilħqu l-miri stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti lejn żvilupp sostenibbli. Is-sbatax-il mira li ġew approvati f'Settembru tal-2015 huma primarjament indirizzati biex jiġġieldu l-faqar, jipprovdu kwalità ta' saħħa aħjar, u il-promozzjoni ta' ambjent b'saħħtu, partikolarment il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Il-Ministru Herrera wassal messaġġ b'saħħtu waqt il-konferenza li l-Gvernijiet, flimkien mal-privat, iridu jaħdmu flimkien biex jintlaħqu l-miri tal-Iżvilupp Sostennibli. Qal li Malta fil-Presidenza qed taħdem qatigħ biex tfassal id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar kif jistgħu jintlaħqu l-miri tal-Agenda 2030.

'Dawn is-sbatax-il mira huma intiżi biex jelevaw lill-popli ta' madwar id-Dinja, mhux lanqas Ewropej, billi fost l-oħrajn naħdmu għall-ekonomija aktar sostenibbli fejn ma nieħdux aktar milli nistgħu kemm min-natura u anke mill-ambjent. Ma nistgħux nibqgħu nabbużaw mir-riżorsi naturali tagħna għaliex iċ-cittadini tal-futur għandhom dritt daqs iċ-ċittadini tal-lum li jgawdu minn ambjent sostenibbli', tenna l-Ministru.

B'dan ir-rittmu, sas-sena 2050 ser inkunu qed nieħdu min-natura ħames darbiet aktar mir-riżorsi li qed nieħdu llum, meta sittin fil-mija tal-eko Sistema tagħha diġà kważi meħuda. Dan żgur li mhux sostenibbli, tenna l-Ministru Herrera. Għalhekk it-triq lejn ekonomija ċirkolori, fejn innaqqsu primarjament l-użu tar-riżorsi naturali imma fejn dawn jerġgħu jintużaw hija t-triq 'l quddiem, qal il-Ministru.

Qal li huwa fl-interess ta' kulħadd li niżguraw tkabbir u żvilupp sostenibbli.

Il-Ministru qal ukoll li Malta kienet fost tal-ewwel li tkellmet favur dan il-kunċett, u kif illum pajjiżi oħra jħarsu lejn Malta bi stima u ammirazzjoni minħabba l-qafas legali tagħha. Għalkemm il-liġi tpoġġi fuq Malta piż akbar fuq is-settur pubbliku, huwa appella anke lis-settur privat biex ikun sieħeb strateġiku lejn aktar sostenibbiltà.

'Il-viżjoni tiegħi hija li l-privat ukoll għandu jkun il-mutur ewlieni għal tkabbir u żvilupp aktar sostenibbli u fejn il-Privat ma jasalx waħdu għandu jkun il-Gvern li jagħtih is-sostenn u l-għajnuna', tenna l-Ministru Herrera fil-Parlament Taljan.

Il-Ministru Josè Herrera, waqt din iż-żjara kellhu laqgħa mal-Ministru tal-Ambjent Gian Luca Galletti, fejn iddiskutew suġġetti relatati mal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Taljan, flimkien mal-Ministri l-oħra tal-Unjoni Ewropea li jirrapreżentaw lill-Gvernijiet tagħhom fil-Kunsill tal-Ambjent, mistennija jkunu Malta x-xahar id-dieħel għal-laqgħa informali li fost l-oħrajn għandha tiddiskuti t-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli.

Il-Ministru Taljan radd ħajr lill-Ministru għaż-żjara ta' kortesija, kif ukoll awguralu għax-xogħol kbir li qed jagħmel pajjiżna fit-tmexxija tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.

Ritratti: MSDEC