Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

01/26/2017 | Press release | Distributed by Public on 02/06/2017 06:20

IMĦABBAR IL-GWARDJAN TAL-ĠENERAZZJONIJIET FUTURI

​L-Imprenditur Maurice Mizzi li serva f'diversi karigi taħt Gvernijiet differenti ġie maħtur bħala President tal-Gwardjan tal-Ġenerazzjonijiet Futuri. Ħabbar dan il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima José Herrera dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ltaqa' mal-Membri ta' din il-Kummissjoni, li toħroġ mill-Att għall-Iżvilupp Sostenibbli.

Il-Membri l-oħra huma s-Sinjuri Joseph Zammit Tabona, Alan Pulis u Dr Jason Bonnici.

Il-Ministru José Herrera spjega li dan l-att tfassal biex jintegra l-iżvilupp sostenibbli fil-ħidma tal-Gvern kif ukoll biex titqajjem u tiġi promossa kuxjenza dwar kwistjonijiet u prattiċi ta' żvilupp sostenibbli u jaħseb għal Gwardjan tal-Ġenerazzjonijiet Futuri biex jissalvagwardja l-iżvilupp sostenibbli interġenerazzjonali u intraġenerazzjonali.

L-għan ta' din il-kummissjoni huwa li tippromwovi l-għarfien, tiżviluppa networks ta' riċerka xjentifika u tagħmel verifiki f'oqsma u setturi varji li jitqiesu li jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp sostenibbli kif ukoll li tipproponi miri u azzjonijiet lill-entitajiet governattivi sabiex dawn iwettquhom.

Il-Gwardjan tal-Ġenerazzjonijiet Futuri ser ikun mistenni minnu li jixpruna s-settur privat ukoll, kif ukoll li jikkonsidra talbiet mill-pubbliku, dwar materji li jirrigwardaw il-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli, liema talbiet jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli.

Sadanittant fil-Konferenza tal-Aħbarijiet il-Ministru Herrera ħabbar li fil-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Malta ser tkun qed tiddiskuti dan is-suġġett fuq l-ogħla livelli u strutturi Ewropej.

Huwa sostna li pajjiżna għal darb'oħra ser ikun qed jibgħat messaġġ ċar u b'saħħtu wara li kien xpruna diskussjoni fuq dan is-suġġett fl-ogħla livelli tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1992.

Il-Ministru Herrera spjega li Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li mhux biss imbuttat dan il-kunċett imma wkoll poġġietu f'qafas ta' liġi. Illum pajjiżi oħrajn iħarsu lejn Malta b'ammirazzjoni għaliex pajjiżna kellu l-kuraġġ li jpoġġi l-iżvilupp sostenibbli f'qafas regolatorju.

'Nemmen li huwa d-dmir ta' kull Gvern kif ukoll ta' kull ċittadin li mhux nitkellmu biss fuq illum u għada imma naħsbu wkoll għall-ġenerazzjonijiet futuri. Għaliex anke l-ġenerazzjonijiet futuri għandhom ikollhom l-opportunità li jgawdu dak li aħna llum qed ingawdu. Nawgura lil din il-kummissjoni kull suċċess li hija strutturata li tgawdi minn ċertu awtononomija mill-operat tal-Gvern,' ikkonkluda l-Ministru José Herrera.