Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

01/21/2017 | Press release | Distributed by Public on 02/06/2017 06:20

OPPOŻIZZJONI LI TREĠĠA’ L-ARLOĠĠ LURA FUQ IL-KISBIET AMBJENTALI

L-iktar miżura li titfa' l-ambjent ta' pajjiżna lura, ma tissemmix fid-Dokument tal-Ambjent tal-Partit Nazzjonalista, din hija li terġa' tħaddem il-power stations ta' pajjiżna bil-Heavy Fuel Oil. Dan ikun ifisser ħafna u ħafna iktar emissjonijiet fl-ajru u trab iswed f'imnifsejn uliedna.

Dan il-Gvern neħħa l-iktar żejt li jħammeġ l-ambjent mill-power station ta' Delimara u għalaq għal kollox il-power station tal-Marsa li kienet sors kbir ta' tniġġis għall-ambjent.

Dan il-Gvern ħadem favur enerġija rinovabbli u mix-xemx u żied b'mod qawwi l-inċentivi biex in-nies jirrikorru għall-enerġija photovoltaic u qed jinvesti f'communal solar panel scheme biex min m'għandux saqaf ikun jista' jixtri l-enerġija solari minn pannelli ċentrali.

Ħdimna mal-għaqdiet non-governattivi biex mhux biss nappoġġjawhom imma anke ngħinuhom jimmaniġġjaw u jsostnu siti mogħtija lilhom minn dan il-Gvern fi proġetti bħal tas-Salini.

Dan il-Gvern qed jagħmel fin-nofs in-nhar ta' Malta t-tieni l-akbar park nazzjonali, dak tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar. Bi pjan kien aċċettat li jkunu estiżi l-konfini ta' dan il-park bi kwazi erbgħa u erbgħin tomnna li tletin tommna minnhom ittieħdu lura miż-żona tal-iżvilupp. Hawn qed nitkellmu fuq aktar minn 955,000m2 ta' art, li issa ġiet art protetta.

Dan il-Gvern qed jagħfas ħafna fuq skemi biex persuni flok jifirxu f'żoni ġodda jinċentiva biex first time buyers jixtru iktar propjetajiet fil-qalba tal-bliet u l-irħula.

Fuq kollox inħolqot għall-ewwel darba awtorità ambjentali li qed tgħasses il-qasam tal-ippjanar u li tant l-Oppożizzjoni kienet kontriha. Xogħol din l-awtorità huwa wkoll li tara li direttivi ambjentali tal-Unjoni Ewropea jiġu implimentati u sservi wkoll bħala għassiesa għall-Gvern.

Dwar it-tniġġiż mill-ħsejjes, f'Awwissu li għadda kien mwaqaaf għall-ewwel darba Noise Control Commission, sabiex jirrevedu l-qafas leġiżlattiv esistenti bil-għan li ssir rikonċiljazzjoni tal-istess liġijiet. Barra minn hekk il-kummissjoni għandha tkun f'pożizzjoni wkoll li tirrikmanda liġijiet ulterjuri sabiex tissaħħaħ il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tal-ħsejjes.

Fil-qasam tal-ambjent l-Oppożizzjoni bir-rekord tagħha fil-Gvern m'għandha l-ebda xrara ta' kredibbiltà billi fi ħdanha għad hemm l-istess nies li taw żewġ miljun metru kwadru ta' art barra miż-żona tal-iżvilupp għal bini.