Results

Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

01/13/2017 | Press release | Distributed by Public on 02/06/2017 06:20

IL-MINISTRU HERRERA JIDDIKJARA ILLI SER JAPPUNTA GWARDJAN TA’ ĠENERAZZJONIJIET FUTURI

'Li nipproteġu l-iżvilupp sostenibbli mhuwiex biss dmir morali imma anki legali. Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li mhux biss imbuttat dan il-kunċett imma wkoll poġġietu f'qafas ta' liġi. Illum pajjiżi oħrajn iħarsu lejn Malta b'ammirazzjoni għaliex pajjiżna kellhu l-kuraġġ li jpoġġi l-iżvilupp sostenibbli f'qafas regolatorju, għaliex id-dmir ta' kull Gvern u ta' kull ċittadin huwa li mhux nitkellmu biss fuq illum u għada imma naħsbu wkoll għal ġenerazzjonijiet futuri. Għaliex anka l-ġenerazzjonijiet futuri għandhom ikollhom l-opportunità li jgawdu dak li aħna llum qed nesperjenzaw.'

Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima José Herrera meta attenda għall-Foundation for Environmental Education Fest organizzata min-Nature Trust, li ttellgħet fil-Kulleġġ ta' San Benedittu, fl-Iskola Medja ta' Ħal Kirkop. Huwa faħħar lin-Nature Trust għal din l-inizjattiva u għax-xogħol li jagħmlu fil-qasam tal-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli.

Il-Ministru fakkar li Malta kienet minn ta' quddiem biex tavvanza l-kunċett ta' żvilupp sostenibbli. Kien fl-1992 ġewwa Rio, f'konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn il-Ministru tal-Affarijiet Barranin li dak iż-żmien kien Dr Guido de Marco, kien mexxa proposta sabiex ikun hemm Gwardjan ta' Ġenerazzjonijiet Futuri li jissalvagwardja l-iżvilupp sostenibbli.

Spjega ukoll li Malta hija fost ftit pajjiżi li għandha liġi dwar l-iżvilupp sostenibbli. F'din il-ligi nsibu wkoll li hemm previst it-twaqqif ta' Gwardjan ta' Ġenerazzjonijiet Futuri. Il-Ministru ħabbar li fil-futur qarib se jkun qed iwaqqaf din il-Kummissjoni u jkompli jsaħħaħ l-implimentazzjoni ta' din il-liġi.

Tkellem ukoll dwar is-sbatax-il mira dwar l-iżvilupp sostenibbli li ġew maqbula fl-2015 min-Nazzjonijiet Uniti. Spjega li l-Kummissjoni Ewropea għamlet kommunikazzjoni dwar dan is-suġġett u dan is-suġġett ser ikun fuq l-aġenda tal-laqgħa informali tal-Ministri tal-Ambjent li se tkun qed issir f'Malta f'April li ġej.

Il-Ministru Herrera ħabbar li għat-tliet snin li ġejjin il-Ministeru tiegħu ser ikun qed jagħti sponsor ta' €15,000 kull sena biex jappoġġja l-programm tal-Foundation for Environmental Education irrappreżentati min-Nature Trust. Huwa kompla jgħid li dan qed jagħmluh għaliex jemmen li dan il-programm edukattiv qed ikompli dejjem iqajjem kuxjenza ambjentali fost it-tfal.

Waqt din l-attività, il-Ministru Herrera ppreżenta wkoll fondi mogħtija mill-Wasteserv bħala parti mill-Promoting a zero-waste society lill-għaxar skejjel li ser jaħdmu fuq proġetti biex inaqqsu l-iskart, speċjalment l-iskart organiku.