Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

12/02/2016 | Press release | Distributed by Public on 12/05/2016 02:53

IR-RIFORMI FL-ENERĠIJA QED IWASSLU GĦALL-ANQAS TNIĠĠIS FL-ARJA

L-għeluq tal-powerstation fil-Marsa, il-qalba tal-powerstation tal-BWSC li taħdem bil-heavy fuel oil għal gass, kif ukoll l-impjant il-ġdid li jaħdem bil-gass, ser ikomplu iwasslu biex Malta tikseb riżultati ferm aktar pożittivi fejn jidħlu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-arja.

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera qal dan meta kien qed jirreaġixxi għar-rapport tal-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent dwar l-emissjonijiet fl-arja. Huwa qal li minn dan ir-rapport joħroġ ċar daqs il-kristal li l-emissjonijiet fuq livell nazzjonali naqsu kemm fis-sena 2013 u anka fis-sena 2014, dan wara li qabel is-sena 2013 bħala pajjiż konna ta' kull sena nirreġistraw żidiet fejn jidħlu emissjonijiet.

Il-Ministru Herrera qal li dan juri titjib sostanzjali fejn jidħol arja aktar nadifa li finalment iwasslu għall-ambjent aħjar biex minnhu jgawdu l-poplu Malti u Għawdxi kollhu. Dan ma jnaqqas xejn mit-triq ambizzjuża li bħala pajjiż jrid li jieħu fil-futur biex nilħqu l-miri tas-sena 2020 fejn jidħol tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-arja.

Bħala Ministeru qed isir xogħol kemm fuq livell interministerjali u anka bħala pajjiż inġenerali biex aktar niddependu fuq mezzi sostenibbli u li jagħmlu aktar ġid għall-ambjent. Fost oħrajn, permezz tal-proġett pilota tal-borża organika, qed iwassal ukoll għal anqas emissjonijiet. Qed isir xogħol ukoll biex jinħarġu policies dwar kwalità ta' arja aħjar.

Il-Ministru spjega li qed isir xogħol ukoll fuq pjan ta' politika għall-enerġija rinovabbli, kif ukoll qed jiġu varati inċentivi biex ikun hemm aktar interess mill-privat inkluż dak mill-pubbliku biex in-nies jinvestu f'enerġija aktar nadifa bħal l-iskema għal min m'għandux spazju fuq il-bejt għall-panelli fotovoltajiċi.

Finalment il-Ministru Herrera qal li dan juri d-determinazzjoni tal-Gvern li jaħdem favur arja aktar nadifa li twassal għal saħħa u ambjent aħjar.