MFA - Malta Football Association

12/19/2016 | News release | Distributed by Public on 12/19/2016 05:21

Bħal-lum 24 sena, Malta vs Italja

Bħal-lum 24 sena, it-tim nazzjonali Malti, dak iż-żmien immexxi minn Pippo Psaila, lagħab waħda mill-isbaħ partiti fl-Istorja tal-Malta Football Association, dik kontra l-Italja fl-Istadium Nazzjonali, u tlife bl-iskor ta' 2-1.

Kien is-Sibt 19 ta' Diċembru 1992, meta Malta kien imissha tilgħab it-tielet partita minn Grupp 1, tal-Grupp ta' Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 1994, fl-Istati Uniti. Il-partita kienet bdiet fis-2.30pm.

Malta kienet lagħbet b'din il-formazzjoni:

David Cluett, Slivio Vella, Richard Buhagiar (Joe Camilleri 46), Joe Galea, Joe Brincat, John Buttigieg, Carmel Busuttil, Nicky Saliba (Raymond Vella 77), Martin Gregory, Kristian Laferla u Charlie Scerri.

L-Italja ta' Arrigo Sacchi kienu lagħbu b'din il-formazzjoni:

Gianluca Pagliuca, Paolo Maldini, Alberto Di Chiara (Alessandro Bianchi 46), Stefano Eranio, Alberto Costacurta, Franco Baresi, Roberto Donadoni (Marco Simone 59), Demetrio Albertini, Gianluca Vialli, Alberigo Evani, Giuseppe Signori.

Ir-referee tal-partita kien il-Belġjan Guy Goethals.

Il-partita baqgħet waħda inċerta sat-tisfira ta' tmiem l-ewwel taqsima bl-iskor ikun għadu ma nfetaħx. Iżda fit-tieni taqsima t-Taljani pressaw kemm felħu u skurjaw minn Vialli fis-60 minuta. Giuseppe Signori rdoppja tliet minuti wara.

Meta kulħadd ħaseb li l-partita kienet spiċċat, ġara dak li ftit ħasbu. F'kontrattakk veloċi għal Malta, Franco Baresi qabad ballun b'idejh fil-kaxxa Maltija u r-referee ordna penalty li ġie żbaljat minn Laferla.

Il-Maltin ma qagħdux għal dan kollu. Ħadu l-inizjattiva tal-logħba f'idejhom u skurjaw l-ewwel gowl storiku kontra l-Italja fis-86 minuta. Ray Vella ta pass 'il quddiem lil Busuttil, li tefa' cross fil-baxx għan-nofs, u Martin Gregory mill-viċin ma żbaljax.

Kien gowl li qajjem il-kważi folla ta' 20,000 spettatur li dakinhar kienu preżenti jsegwu l-partita. Għall-aħħar minuti, il-Maltin attakkaw kemm setgħu u werwru mhux ftit lill-Italja, li kienet qed tissogra li ma tirbaħx tliet punti importanti f'dan il-Grupp kontra Malta.

Kienet l-aħħar partita ta' Gianluca Vialli bil-flokk tat-tim nazzjonali Taljan wara inkwiet li kellu mal-kowċ Sacchi. Kienet ukoll l-unika darba li Marco Simone libes il-flokk tal-Italja.

It-Taljani kienu spiċċaw rebbieħa ta' Grupp 1, ikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja tal-Istati Uniti 1994, u baqgħu tilgħin sal-finali tagħha u tilfu biss wara l-ogħti tal-penalties kontra l-Brażil bl-aktar penalty popolari sal-lum jibqa' dak li Roberto Baggio żbalja fl-aħħar xutt tal-partita.

Il-media Taljana, flimkien ma' dik Maltija, faħħret bil-kbir il-wirja qalbiena ta' Malta li poġġiet il-plejers Maltin eroj u ġganti meta kkumprati ma' dawk Taljani.

Din il-partita tibqa' mfakkra għal dejjem u ma tintesa qatt.