Results

Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

12/03/2016 | Press release | Distributed by Public on 12/05/2016 02:53

MAĦRUĠA ORDNI TA’ EMERĠENZA GĦALL-KONSERVAZZJONI FUQ IT-TIEQA TAD-DWEJRA

​Dalgħodu, waqt konferenza stampa, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera ħabbar li wara li din il-ġimgħa dehru diversi rapporti fil-media ta' ġebel jaqa' mit-Tieqa tad-Dwejra, ta ordni lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) sabiex jieħdu azzjoni immedjata. Waqt din il-laqgħa, tkellmu wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) Ruben Abela u ċ-Chairperson tal-Isteering Committee tad-Dwejra Timmy Gambin.

Il-Kap Eżekuttiv Ruben Abela spjega li l-ERA għadha kif ippublikat Ordni ta' Emerġenza għall-Konservazzjoni fuq it-Tieqa tad-Dwejra minħabba li dan is-sit huwa ta' importanza ambjentali u fil-bżonn ta' konservazzjoni.

Il-kundizzjonijiet tal-Ordni ta' Emerġenza għall-Konservazzjoni jinkludu li ħadd ma jista', sakemm mhux awtorizzat mill-Awtorità:

​(i) jaċċessa, jimxi, jixxabbat 'l fuq jew 'l isfel, jew jaqbeż miż-żona indikata fil-pjanta maħruġa mal-ordni;

(ii) jaċċessa ż-żona tal-baħar immedjatament taħt it-Tieqa kif indikat fil-pjanta maħruġa mal-ordni.

Min jikser din l-Ordni se jkun qed jesponi lilu innifsu għal multa ta' madwar €1500. Ġie spjegat ukoll li qed titħejja Ordni ta' Konservazzjoni għas-sit kollhu kif inhu, kif ukoll li jsiru emendi legali għall-Att li jirregola s-siti ta' Natura 2000 biex min jikser din l-Ordni ta' Konservazzjoni, kif ukoll ordnijiet oħrajn li jistgħu jidħlu fis-seħħ, ikun hemm pieni aktar ħorox. Dan kollhu qed jingħad u jsir biex tikber il-kuxjenza tal-bżonn li kulħadd jieħu ħsieb li jagħmel il-parti tiegħu biex jipproteġi siti ta' dan it-tip.

Dwar dan il-Ministru Herrera qal li pajjiżna għandu biex ikun kburi li minkejja l-qies ġeografiku tiegħu, proporzjonalment għandu fost l-aktar siti ta' Natura 2000. Huwa qal li f'Lulju li għadda ħatar il-Kumitat tad-Dwejra sabiex jibdew il-ħidma tagħhom biex fost affarijiet oħra jkunu jistgħu jassistu fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' konservazzjoni mmirati lejn l-immaniġġjar tal-biodiversità tas-sit.

Iċ-Chairperson tal-Isteering Committee tad-Dwejra Timmy Gambin spjega x-xogħol li sar s'issa mill-Kumitat, filwaqt li qal li ser ikun qed jippreżenta studju dwar it-Tieqa tad-Dwejra lill-Ministri tal-Ambjent, t'Għawdex u tat-Turiżmu.