Results

Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

02/11/2017 | Press release | Distributed by Public on 02/23/2017 03:30

KWAŻI KWART TAL-IKEL LI NIXTRU JINĦELA U JINTREMA

Minn studju li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fis-sena 2014, huwa kkalkulat li bil-pakkett ta' direttivi u emendi għall-immaniġġjar tal-iskart li bħalissa qed jiġi diskuss taħt il-Presidenza Maltija aktar minn mija u tmenin elf (180,000) impjieg jistgħu jiġu ġġenerati sas-sena elfejn u tletin (2030) jekk riżorsa bħal ma huwa l-iskart mhux biss nużawh u nirriċiklawh imma nirriduċuh. Fl-istess waqt huwa kkalkulat li jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu fuq livell Ewropej inkunu kapaċi nnaqqsu mal-443 miljun tunnellata ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-arja (GHG). 'Dan m'għandux ikun biss sforz ta' gvernijiet imma anke sforz ta' ċittadini li jagħmlu l-parti tagħhom huma wkoll biex inaqqsu l-iskart', tenna l-Ministru José Herrera fi Brussell meta kien il-mistieden tal-Kumitat tar-Reġjuni biex jitkellem fuq is-suġġett.

L-iskart iġġenerat mill-ikel huwa kontribut ewlieni biex nilħqu dawn il-miri ambizzjużi. Il-Pajjiżi Membri tal-UE qed jintalbu biex sas-sena 2025 jitnaqqas dan l-iskart bi tletin fil-mija waqt li sas-sena 2030 dan jonqos b'ħamsin fil-mija. Kull persuna huwa stmat li tiġġenera mal-180 kilo ta' skart iġġenerat mill-ikel kull sena.

F'Malta, qal il-Ministru Herrera, introduċejna l-borża organika u ferrixniha ma' aktar lokalitajiet fosthom ma' Għawdex kollu. Bil-borża organika nistgħu nnaqsu serjament l-iskart mill-ikel li jispiċċa fil-borża s-sewda, qal il-Ministru Herrera u b'hekk ma jintefax fil-landfills imma minflok ikun jista' jiġi pproċessat u minnu nipproduċu riżorsa ħalli b'hekk innaqqsu l-gassijiet serra li huma l-kawża ewlenija tat-tibdil fil-klima.

Tkellem dwar il-kuntest lokali u qal li skont studju riċenti tal-NSO jirriżulta li bħala medja kważi kwart (22%) tal-ikel li nixtru jispiċċa jinħela u jintrema. L-istess studju juri li l-ħela tal-ikel jammonta għal aktar minn 55% tal-iskart domestiku li jiġi ġġenerat mid-djar Maltin. Persważ li l-esperjenza ta' Malta hija l-esperjenza tal-bqija taċ-ċittadini l-oħra madwar l-UE, qal il-Ministru Herrera. 'Dan il-ħela tal-ikel li jispiċċa jintrema jeħtieġ li jiġi indirizzat mhux biss permezz ta' kampanja pubbliċitarja imma wkoll b'qafas legali li f'pajjiżna bħalissa ser ikun qed jiġi ppreparat ħalli b'hekk tiġi indirizzata din l-isfida', qal il-Ministru Herrera. Dan kollu għandu jikkumplimenta l-Pjan ta' Malta għall-Immaniġġjar tal-Iskart li tħejja minn dan il-Gvern li jpoġġi fil-mira l-Ekonomija Ċirkulari.

Dan il-Pjan jistabbilixxi bħala mira li sal-2050 ma niġġenerawx iktar skart, jiġifieri mira żero skart u li għalkemm bħala mira tista' tidher il-bogħod ix-xogħol fuqha diġà skatta minn issa, qal il-Ministru José Herrera.

Il-Ministru José Herrera kien mistieden ukoll biex jitkellem dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija f'dan il-qasam, fejn qal li jrid jintlaħaq progress konkret u tanġibbli fuq dan il-qasam.