Results

Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

02/08/2017 | Press release | Distributed by Public on 02/23/2017 02:40

DISKORS TAL-MINISTRU JOSÉ HERRERA WAQT IL-KONFERENZA ‘WEEE IMPLEMENTATION IN MALTA:WHERE ARE WE?’ ORGANIZZATA MINN WEEE MALTA

Nirringrazzjakom tal-istedina għal din il-konferenza li tittratta suġġett verament importanti: ir-regolamentazzjoni tal-immaniggjar tal-iskart li ġej minn apparat tal-elettriku u dak elettroniku, magħruf normalment bħala WEEE. L-iskop għar-regolamentazzjoni tal-WEEE hu biex isiru miżuri biex nipproteġu l-ambjent tagħna kif ukoll is-saħħa tagħna l-bnedmin.

Dan nistgħu nagħmluh billi:

1) Ndaħħlu miżuri għall-immaniġġjar aħjar tal-WEEE;

2) Nnaqqsu l-impatti globali permezz tat-tnaqqis mill-użu tar-riżorsi;

3) Ntejbu l-effiċjenza tal-użu tal-istess riżorsi.

Permezz ta' dan kollu nistgħu nikkontribwixxu għal titjib ambjentali u għall-iżvilupp sostenibbli.

Għalkemm ilu li kellna obbligi Ewropej biex nimplimentaw u miżuri biex nikkontrollaw l-iskart li ġej mill-WEEE, għamilna numru ta' snin fejn konna għadna lura ħafna sabiex nilħqu il-miri iddentifikati fid-Direttivi Ewropej u li Malta hi obbligata li tottempra ruħha magħhom.

Fl-aħħar snin bdejna nindirizzaw din il-materja permezz ta' riforma li kienet immirata biex fost l-oħrajn tindirizza x-xogħol li kien neċessarju sabiex isir titjib fis-sistema tal-immaniġġjar tal-WEEE.

Essenzjalment ir-riforma kienet tikkonsisti f'dan li ġej:

1) Neħħejna l-ekokontribuzzjoni min fuq it-tagħmir tal-elettriku u dak elettroniku kollu, kif ukoll

2) Daħħalna regolamenti nazzjonali ġodda sabiex inkunu f'pożizzjoni aħjar mill-aspett regolatorju sabiex nirregolaw u ninfurzaw liġijiet nazzjonali dwar il-WEEE.

Ser inkellimkom ftit iżjed fid-dettal dwar dawn iż-żewg punti li għadni kif semmejtilkom.

Dwar l-ekokontribuzzjoni, bħal ma jafu ħafna minnkom involuti, kienet qed titqies mill-industrija bħala taxxa doppja li l-produtturi, kemm dawk li jimmanifatturaw jew jimpurtaw l-WEEE ġewwa Malta, kienu direttament jew indirettament qed jiġu mgħobbija biha. Din it-taxxa kienet imposta minkejja li dawn l-istess produtturi kellhom diġà numru t'obbligi li kellhom jottempraw ruħhom magħhom jew individwalment, jew inkella permezz li jissieħbu fi skema. B'din il-miżura u t-tneħħija tal-ekokontribuzzjoni li saret fl-2015 twittiet it-triq sabiex l-industrija kkonċernata tkun tista' tibda tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-obbligazzjonijiet li joħorgu mir-regolamenti li jirregolaw il-WEEE.

Fl-istess żmien li tneħħiet l-ekokontribuzzjoni daħħalna wkoll fis-seħħ emendi għar-regolamenti nazzjonali dwar l-immaniġġjar tal-iskart ta' tagħmir tal-elettriku u dak elettroniku. Dawn ir-regolamenti jġiebu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Ewropeja 2012/19/KE dwar l-istess WEEE. Il-bidliet li saru fl-2015 jimplementaw ukoll il-miżuri inklużi fil-Pjan Nazzjonali dwar l-Iskart għall-gżejjer Maltin liema pjan jestendi mill-2014 sas-sena 2020. L-iskop ta dawn ir-regolament ġodda kien li jagħmel iżjed ċar l-obbligi tal-produtturi kif ukoll isaħħaħ iżjed il-mekkaniżmi ta' kif jistgħu jiġu implimentati u infurzati ir-regolamenti nazzjonali dwar dan it-tip ta' skart.

Sabiex insemmi xi punti prinċipali li ġew introdotti minn dawn ir-regolament il-ġodda, nista' nsemmilkom:

• Kundizzjoni għal produtturi ta' 'triple E' li jipprovdu garanzija finanzjarja li tiggarantixxi li jottempraw ruħhom mal-obbligi tal-liġi;

• Provediment sabiex WEEE miġbur permezz ta' sistemi ffinanzjati mill-Kunsilli Lokali, bħas-sistema tal-Bulky Refuse, għandu jiġi ddepożitat fil-faċilitajiet tal-Wasteserv Malta Ltd. Wara, dan il-WEEE għandu jiġi mgħoddi lil-Iskemi tal-WEEE;

• Multi adekwati għal produtturi li jevitaw li jottemporaw ruħhom mal-provedimenti tar-regolamenti. Eżempju, produttur li jinstab ħati li naqas milli japplika għar-reġistrazzjoni jew milli jġedded ir-reġistrazzjoni jista jeħel multa ta' €750 għal kull tunnellata ta' 'triple E' li jkun poġġa fuq is-suq.

Ta' min isemmi li r-riforma li saret dan l-aħħar diġa bdiet tagħti riżultati pożittivi. Wara r-riforma u l-emendi li għamilt referenza għalihom, in-numru ta' produtturi ta' 'triple E' li rreġistraw jew li ġeddew ir-reġistrazzjoni tagħhom fl-2015 ammontaw għal 700. Din hi żieda ta' aktar minn 500 produttur meta mqabbel mas-sena 2014.

Sal-aħħar tas-sena 2016 kien hemm 705 produtturi ta' 'triple E' fuq ir-reġistru tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Rizorsi, liema reġistru huwa aċċessibli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-istess Awtorità. Bosta minn dawn il-produtturi kienu membri ta' waħda minn żewġ skemi awtorizzati mill-Awtorità. L-ammont globali ta' tagħmir tal-elettriku u elettroniku li tpoġġa fuq is-suq mill-produtturi fis-sena 2015 kien jammonta għal kważi għaxart elef (10,000) tunnellata.

F'Marzu tal-2016 iddaħħlu miżuri ġodda bl-għan biex ikun hemm 'audit trail' iżjed ċar għall-WEEE li jinġabar mill-Kunsilli Lokali permezz tal-'Bulky Refuse System'. Dawn il-miżuri kienu jirrikjedu li l-'Bulky Refuse' kollu, inkluż il-WEEE jibda jkun suġġett għall-proċedura tal-'consignment note'. Din il-proċedura bdiet tapplika mill-4 ta' April tal-2016.

Sa nofs April tal-2016, 60 kunsill lokali applikaw mal-Awtorità għal permess għal-ġarr tal-WEEE mid-djar. Illum din il-proċedura tal-'consignment note' qegħda tigi implementata mill-Kunsilli Lokali kollha f'Malta u Għawdex ħlief għal wieħed.

Għalkemm dan l-aħħar ġie rreġistrat titjib fl-immaniġġjar tal-WEEE f'Malta, ma jfissirx li sar biżżejjed sabiex inkunu f-pożizzjoni komda li nilħqu l-miri li għandha Malta f'dan is-settur. Għad baqa' ħafna affarijiet li jistgħu jsiru aħjar, u waħda minn dawn l-aspetti li jeħtieġ li ntejbu hu l-infurzar effettiv tar-regolamenti tal-WEEE f'pajjiżna.

Għal dan il-għan riċentament għadna kif nedejna proċess ta' konsultazzjoni għal żewġ proposti t'emendi f'dawn ir-regolamenti li jistgħu ikomplu jgħinuna naslu fejn nixtiequ li naslu f'dan is-settur:

• L-ewwel waħda hi proposta ta' qafas legali li jista' jirregolarizza produtturi li qabel ir-riforma tal-elfejn u ħmistax (2015) ma kienux qed jonoraw l-obbligi tagħhom skont il-'WEEE Regulations'. Dan il-qafas kien ukoll diskuss fil-konsultazzjonijiet li saru qabel ir-riforma. L-istess proposta tiproponi ukoll li tintroduċi penali projbittivi għal dawk li ma jottemprawx ruħhom mal-provedimenti tal-istess regolamenti.

• Provediment ieħor li qed nipproponu hu li jiġu emendati l-'WEEE Regulations' bl-għan li tkun tista' tiġi mmultata kull persuna li tiddisponi mill-WEEE mhux kif suppost per eżempju permezz tal-borża s-sewda. Din il-miżura hi intiża li tgħin sabiex dan l-iskart jiġi mormi kif suppost u għalhekk mezz ta' kif jintlaħqu l-miri tal-pajjiż.

Nuqqas li qegħdin nindirizzaw huwa l-infurzar ta' dawn ir-regolamenti. Qed jittieħdu passi neċessarji sabiex jissaħħu l-istrutturi tal-infurzar fi ħdan l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi għaliex b'hekk inkunu qed nassiguraw li l-miri tar-regolamenti jintlaħqu b'mod ġust minn dawk involuti.

Nixtieq nagħlaq billi nerġa' nirringrazzjakom tal-opportunità li nindirizza din il-konferenza organizzata mill-iskema. Nemmen li bil-kollaborazzjoni tal-partijiet kollha involuti f'dan is-settur nistgħu naslu sabiex nilħqu l-miri li għandha Malta fis-settur tal-immaniġġjar tal-WEEE.