Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

01/27/2017 | Press release | Distributed by Public on 02/06/2017 06:20

Il-Ministru José Herrera jgħin lil tmien għaqdiet u jqasmilhom is-somma ta’ aktar minn 70,000 ewro

'€70,618 ġew mogħtija lil tmien għaqdiet volontarji ambjentali għall-ġid tal-komunità. B'din l-iskema qed ninċentivaw il-volontarjat filwaqt li ninvestu fl-ambjent.' Dan ħabbru l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Barrakka ta' Fuq, il-Belt Valletta, li matulha ppreżenta ċ-ċekkijiet lill-għaqdiet bħala parti mill-iskema ta' għajnuna ambjentali li ħareġ il-Ministeru.

Il-Ministru Herrera spjega li din l-iskema kienet mwiegħda fil-programm elettorali ta' dan il-Gvern biex jgħinu għaqdiet mhux governattivi li huma involuti fil-konservazzjoni u l-promozzjoni tal-ambjent bħala rikonoxximent u appoġġ tal-isforz u l-kontribut validu u effettiv li jagħmlu fis-settur, u sabiex jinċentivaw aktar inizjattivi maħsuba biex isaħħu l-ambjent f'pajjiżna.

Huwa ħabbar li t-tmien organizzazzjonijiet magħżula huma: Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Nature Trust Malta, Friends of the Earth, Genista Foundation, Sustainable Built Environment Malta, Heritage Parks Foundation, u Greenhouse Malta.

Il-Ministru Herrera spjega li l-proġetti ta' dawn l-organizazzjonijiet ivarjaw minn promozzjoni ta' spazji ħodor, konservazzjoni ta' biodiversità, titjib fit-trattament ta' fkieren tal-baħar, survey fuq tnaqqis tal-emissjonijiet, restawr ta' bini, attivitajiet relatati mal-eco-therapy, konservazzjoni ta' fjuri, u twaqqif ta' nursery għal flora selvaġġi indiġeni.

Il-Ministru Herrera kkonkluda billi rringrazzja lill-għaqdiet għax-xogħol li qed jagħmlu sabiex isaħħu l-ambjent f'pajjiżna. Huwa qal li l-ambjent illum huwa prijorità għal kulhadd u li ambjent b'saħħtu jwassal għal kwalità ta' ħajja aħjar. Semma wkoll li dan kollu qed jagħmluh biex iħallu ambjent san għalina, għal uliedna, u għal ġenerazzjoniet ġejjiena.