Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

04/22/2017 | Press release | Distributed by Public on 05/08/2017 02:01

‘CLEAN-UP’ MINN QIEGĦ IL-BAĦAR

​Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera attenda għal clean-up minn qiegħ il-baħar fiż-żona magħrufa bħala l-Banjijiet fil-Belt Valletta. Din il-clean-up ġiet organizzata mill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima flimkien mal-Fondazzjoni Valletta 2018, b'kollaborazzjoni ma' Wasteserv, Diveshack u Nature Trust.

Waqt din il-clean-up, li saret propju f'Earth Day, ħadu sehem sbatax-il bugħaddas u nġabar ammont konsiderevoli ta' skart, inkluż skart goff.

Il-Ministru Herrera tenna li huwa essenzjali illi l-Ministeru jkun involut b'mod dirett fit-tindif ta' pajjiżna. Huwa qal li din l-inizjattiva hija ħolqa fost katina ta' inizjattivi ta' din ix-xorta li qed jieħu l-Ministeru tiegħu.

Il-Ministru spjega li llum għażlu il-Banjijiet tal-Belt peress li ftit ġranet oħra jingħata bidu għall-Valletta Green Festival, u anke minħabba l-proġett Valletta 2018.

Il-Ministru Herrera temm billi rringrazzja lil dawk kollha li pparteċipaw f'din il-clean-up. Huwa kompla jgħid li dan it-tindif wassal għal baħar u xatt aktar nadif għall-għawwiema li jiffrekwentaw iż-żona, speċjalment il-Beltin.