Results

MFA - Malta Football Association

12/20/2016 | News release | Distributed by Public on 12/20/2016 09:54

Kunsill MFA, Diċembru 2016

Mark Attard, Media Officer

Norman Darmanin Demajo, President tal-Malta Football Association, fetaħ l-aħħar laqgħa tal-Kunsill tas-sena 2016, billi sellem lil dawk kollha preżenti u awgura lil Dr Matthew Paris, Viċi President elett ġdid fl-aħħar Laqgħa Ġenerali Straordinarja u lil Dr Angelo Chetcuti, Segretarju Ġenerali ġdid li għalih hi l-ewwel Laqgħa tal-Kunsill.

Fl-istess ħin, il-President sellem lil Dr Chris Bonett, li għalih se tkun l-aħħar Laqgħa qabel ma jingħaqad mal-UEFA fil-kariga ta' Integrity Officer.

Dr Angelo Chetcuti fetaħ il-Laqgħa billi avża lill-membri li kien irriżenja mill-kariga ta' Viċi President ta' Birzebbuga FC u mill-Eżekuttiv. Chetcuti qal li fil-każ tas-siġġu tiegħu fl-Eżekuttiv, issa nħolqt vakanza għal min se jokkupa s-siġġu f'isem il-klabbs tat-Tieni Diviżjoni.

Chetcuti qal ukoll li Dr Paris, irriżenja wkoll mill-Kunsill Lokali ta' Floriana u minn kull rabta li kellu mal-Partit Nazzjonalista.

Darmanin Demajo qal li jinsab sorpriż kif fil-kamra ma kien hemm l-ebda rappreżentant tal-MFRA għaliex wara d-direttiva li nħarġet fl-aħħar weekend li l-ebda referee ma jintbagħat għall-partita tal-BOV Premier League bejn Mosta FC u Birkirkara FC. Il-President qal li dan ma kienx l-ewwel inċident li nqala' mal-MFRA. Hu qal li xi ġimgħatejn ilu f'partita tal-Youths, l-MFRA kienet diġa' ħarġet direttiva oħra minħabba l-fatt li xi 'steward' tal-MFA għamel xi żball billi ħalla xi grada miftuħa. Darmanin Demajo qal ukoll li l-MFRA ħarġet direttiva fil-weekend li għadda għaliex inkitbu xi kummenti fuq is-sit soċjali ta' Facebook kontra r-referee Malcolm Spiteri. Filwaqt li l-President ikkundanna kummenti li nkitbu minn ċerti persuni fuq Facebook qal li ma jaqbilx mal-mod kif l-MFRA ħadet din id-deċiżjoni. Il-President tal-MFA qal li l-Assoċjazzjoni ma trid toħloq konfront kontra ħadd, tant li l-MFA tagħt siġġu fil-Kunsill lill-MFRA u u anki fil-Kumitat tar-Referees. Darmanin Demajo qal li għandu rispett kbir għar-referees lokali kollha u dejjem kien minn ta' quddiemnett biex jiddefendi lir-referees kollha.

Dr Chetcuti qal li dwar l-istadium ta' Mosta FC, bdiet issir investigazzjoni tal-ispejjeż li ntefqu u kif intefqu fuq dan l-istadium. Chetcuti qal li tqabbad il-Perit Torpiano biex janalizza u jħares lejn ir-rekords tal-ispejjeż ta' dan l-istadiu. Dr Chectuti qal li l-MFA għada qed tistenna mingħand il-Perit Torpiano r-rapport u l-istima ta' dan l-istadium.

Waqt il-Laqgħa tal-Kunsill, il-President kien infurmat li artiklu f'sit lokali fl-aħħar sigħat kien qed jingħad li hu stess kien jaf b'Sebastien Graeff, il-persuna li kien midħla fil-klabb ta' Birkirkara FC u minn din is-sena qiegħed fil-klabb ta' Luxol St. Andrew's u li fl-aħħar jiem qed ikun investigat mill-Pulizija ta' Malta, u dan minħabba r-rabtiet passati li kien hemm fil-passat bejn l-istess President u l-klabb ta' Luxol St Andrew's. Darmanin Demajo assigura lill-Kamra li b'din il-persuna, Graeff, ma kien jaf b'xejn u qatt u li hu personali m'għandu u qatt ma kellu l-ebda rabta miegħu.

Darmanin Demajo tkellem fuq il-konferenza stampa li tgħat l-Assoċjazzjoni ftit tal-jiem ilu fuq il-każ 'Bob Higgins'. Hu qal li skont il-Liġijiet ta' Malta, kull klabb irid jibgħat lista tal-kowċis li għandu fin-nursery u biex dawn jgħaddu minn taħt is-safeguarding officer tal-MFA. Jekk dan ma jseħħx u xi klabb ikollu inċident, hemm pieni u konsegwenzi koroh li wieħed jista' jiffaċċja.

Franz Tabone, Integrity Officer tal-MFA, tkellem fuq il-każ li laqat lil Birkirkara FC u assigura lill-Kamra li l-MFA, permezz ta' Sports Radar, ma kellha l-ebda partita ta' Birkirkara li kienet 'flagged'.

Qabel ma ntemmet il-Laqgħa, indirizza l-Kamra għall-aħħar darba Dr Chris Bonett, eks-Viċi President tal-MFA u li mix-xahar id-dieħel se jibda impjieg ġdid bħala l-Integrity Officer tal-UEFA. Dr Bonett irringrazzja lil kull min ħadem viċin tiegħu f'dawn l-aħħar snin kemm fix-xogħol tal-uffiċju tiegħu u anki fl-avveniment annwali tal-MFA Awards. Dr Bonett qal li qatt ma kien se jinsa n-nies li tellugħ f'din il-po'izzjoni li huma dawk kollha li jagħmlu parti mill-MFA u mill-futbol Malti. Dr Bonett irringrazzja lill-persuni kollha fl-amministrazzjoni ta' dawn l-aħħar snin u wiegħed li mill-pożizzjoni tiegħu fil-UEFA se jibqa' jaħdem u jiddefendi l-klabbs kollha Maltin.