Results

MFA - Malta Football Association

12/14/2016 | News release | Distributed by Public on 12/14/2016 09:46

“Eċċitament uniku kif smajt ismi u qomt...

Jum ir-Repubblika ta' din is-sena se jibqa' fil-memorja tagħha tul ħajjitha. Għaliha, kif jgħid il-Malti, kien 'jum b'differenza'. Dan għaliex ġiet onorata bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika, mill-Eċċellenza Tagħha, il-President ta' Malta, Marie Louise Coleiro Preca.

F'ċerimonja li saret fil-Belt Valletta f'Jum ir-Repubblika filgħodu, Azzopardi kienet preżentata b'din il-Midalja grazzi għall-unur li għamlet u se tibqa' tagħmel f'partiti tal-futbol barra minn xtutna u anke fil-kompetizzjonijiet domestiċi. Kienet aħbar li ħafna midħla tal-futbol ħadu bħala sorpriża, anki għaliex kollox inżamm sigriet sal-ġurnata tant mistennija.

'Unur prestiġġjuż ħafna għalija. Kemm mil-lat ta' rikonoxximent talli qed nirrapreżenta lil pajjiżhi fl-ogħla kompetizzjonijiet bl-aħjar mod li nista' u anki mil-lat patrijottiku,' Azzopardi qalet fl-ewwel kumment tagħha lil dan is-sit, wara li ngħatat din il-Midalja.

'Għal xi wħud forsi ma jagħrfux kemm huma kbar is-sagrifiċċji biex sportiva tieħu sehem jew tikkompeti fl-ogħla livelli. Fil-verita', tkun trid tibda tgħix ħajtek b'ħafna limitazzjonijiet minħabba d-dedikazzjoni li jkollox lejn l-isport tiegħek. F'Ħafna drabi noħroġ għat-taħriġ fis-sigħat bikrien ta' filgħodu, ħinijiet xejn pjaċevoli. Ma' dan wieħed irid iżid jiem u ġieli anki ġimgħat 'il bogħod mill-familja minħabba s-safar li jkolli,' stqarret Azzopardi.

Imma x'kienu l-ewwel ħsibijiet li għaddew minn moħħ Azzopardi hekk kif waslitilha l-aħbar li se tiġi preżentata bil-Midalja tal-Qadi tar-Repubblika mill-President ta' Malta?

'Qisni ma stajtx nemmen. Għamilt l-ewwel ħames minuti nisma' l-eku ta' dak li kienu għadhom kemm qaluli. Ħsibt mhux ħażin x'ridt nagħmel u jekk hemmx xi proċeduri li ridt insegwi. Kien eċċitament uniku kif smajt ismi u qomt għall-Midalja,' kompliet tgħid Azzopardi.

Hu unur kbir ukoll għad-Dipartiment tar-Referees ta' Malta fi ħdan il-Malta Football Association. Diversi kollegi referees ta' Azzopardi ferħula personali, inkluż Kevin Azzopardi, id-Direttur tar-Referees, f'Malta.

'Kienet reazzjoni pożittiva mmens minn kulħadd fid-Dipartiment. Dan hu riżultat ta' snin twal ta' ħidma minn nies differenti f'dan is-settur. Huma kollha nies li għarfu l-potenzjal tiegħi u kienu kapaċi jigwidawni biex nilħaq l-aħjar li nista' fil-karriera,' qalet Azzopardi.

'Dejjem żammejt sieqi mal-art. M'għandi xejn inqas minn referees oħrajn. Okkażjonijiet bħal dawn iġiegħluni nirrifletti fuq il-karriera tiegħi u kemm ilħaqt tragwardi s'issa. Inħossni kburija li rrefjajt fl-aqwa fażijiet fl-ogħla kompetizzjonijiet fl-Ewropa u fid-dinja.

'L-esperjenzi kollha ta' barra minn Malta huma kollha esperjenzi tal-ogħla livell. Biex wieħed jibqa' konsistenti fl-ogħla livelli trid tkun iffukat il-ħin kollu. Kont ftit furtunata li kellhi diversi opportunitajiet biex nagħmel diversi korsijiet barra minn Malta u għalhekk tħarriġt bl-aħjar possibbli u segwejt dejjem il-pariri siewja li ngħatajat,' qalet Azzopardi.

Fl-aħħar kumment tagħha, Esther Azzopardi tiftakar u ssellem f'dawk il-persuni kollha f'ħajjitha li flimkien magħha jagħmlu sagrifiċċji oħra għaliha.

'Bla dubju l-familja tiegħi u l-familja ta' Adriano, ir-raġel tiegħi u ibni Gianni. Huma pilastri li nista' nserraħ rasi fuqhom b'għajnejja magħluqa. Aħna l-motivazzjoni ta' xulxin u qisna tlitt iħbieb ta' vera li dejjem inkunu ta' appoġġ morali għal xulxin speċjalment fil-mumenti diffiċli tagħna.

'Nirringrazzja lill-persuna li nnominatni għal dan l-unur tant prestiġġjuż. Grazzi lill-FIFA, lill-UEFA, lid-Dipartiment tar-Referees tal-MFA, lill-MFRA, lill-mentors, kowċis u observers kollha, u lill-plejers u lill-kowċis kollha waqt il-partiti li jikkollaboraw miegħi u jħalluni nagħmel xogħli sew. L-aħħar grazzi lill-pubbliku kollu li jsegwi u tant iħobb il-logħba tal-futbol.'