Results

Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

02/22/2017 | Press release | Distributed by Public on 02/23/2017 03:30

APP BIEX TGĦINEK TIMMANIĠĠJA L-ISKART AĦJAR - IL-MINISTRU JOSÉ HERRERA

​Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera nieda mobile application ġdida biex tgħin lill-pubbliku sabiex inaqqas l-iskart u jżid l-isforzi fis-separazzjoni tal-iskart. Din l-app hija parti mill-kampanja ta' edukazzjoni dwar l-immaniġġjar tal-iskart bl-isem ta' 'Don't Waste Waste' li ġiet imnedija s-sena li għaddiet mill-Ministeru tal-Ambjent.

Il-Ministru Herrera nieda din l-app fl-MCAST, wara kollaborazzjoni ma' studenti li qed isegwu kors ta' mobile application design, li taw il-feedback tagħhom waqt il-fażi tat-testing tal-app.

Id-Don't Waste Waste app tħeġġeġ li l-iskart jiġi mmaniġġjat aħjar, billi tagħti informazzjoni fuq is-servizzi tal-ġbir tal-iskart u l-faċilitajiet disponibbli għall-immaniġġjar tal-iskart. Din l-app tinkludi kalendarju li turi l-ġranet u l-ħinijiet tal-ġbir ta' kull tip ta' skart, kemm dak organiku, dak riċiklabbli kif ukoll dak tal-borża s-sewda, għal kull lokalità. Tista' wkoll tara mappa dettaljata ta' fejn issib il-Bring-In sites, iċ-Ċentri għall-Iskart Goff u faċilitajiet u servizzi oħra li huma disponibbli għall-pubbliku.

Din l-app tagħti wkoll informazzjoni ta' avvenimenti relevanti u tinkludi formola biex tibgħat il-mistoqsijiet jew diffikultajiet li wieħed jista' jkollu. L-app tista' titniżel mill-Apple iStore u mill-Google Play Store.

'Din l-inizjattiva qed tappoġġja l-isforzi tal-Gvern biex l-immaniġġjar tal-iskart isir aktar faċli għal kulħadd. Għalkemm is-sena li għaddiet irreġistrajna tnaqqis fit-total tal-iskart li kien jintrema fil-borża s-sewda u żieda fl-iskart li jintrema fil-borża tar-riċiklaġġ, fadal ħafna xi jsir u bl-għajnuna ta' kulħadd naslu biex ikollna ambjent aħjar u nilħqu t-targets li għandna fuq l-iskart' temm jgħid il-Ministru Herrera.