Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

11/23/2016 | Press release | Distributed by Public on 11/24/2016 03:40

LEJN INDUSTRIJA TAL-AKKWAKULTURA AKTAR SOSTENIBBLI

Dawn ir-regolamenti jinsabu għall-konsultazzjoni pubblika u dawk interessati li jipparteċipaw f'dan il-proċess miftuħ jistgħu jagħmlu hekk billi jibgħatu l-kummenti tagħhom sad-9 ta' Diċembru. Flimkien ma' dawn ir-regolamenti il-Ministeru qed jippubblika 'A Code of Conduct for European Aquaculture' ippubblikat mill-Federazzjoni għall-Produtturi tal-Akkwakultura Ewropej u datat 2008 li qed ikun propost li jidħol bħala l-Kodiċi għall-Prattiċi Tajbin għal Akkwakultura Sostenibbli.

L-għan ta' dawn ir-regolamenti huwa li jirregolaw dan is-settur u jikkunsidraw l-iżvilupp fis-settur li kien hemm matul is-snin riċenti.

Il-Ministru José Herrera qal li din hija l-ewwel darba fil-gżejjer Maltin li l-Gvern ħa l-inizjattiva li jirregolarizza dan is-settur hawn Malta wara li tħalla għal bosta snin mhux regolarizzat. Il-Ministru fakkar li dawn ir-regolamenti qed jiġu ppubblikati għal konsultazzjoni pubblika wara li aktar kmieni din is-sena l-Gvern ħa azzjonijiet ta' mingħajr preċedent fejn ġew indirizzati l-irregolaritajiet li kien hemm fil-permessi, il-gaġġeġ illegali tneħħew, is-siti mhux legalizzati qed jergħhu jiġu riprestinati fl-istat oriġinali tagħhom u l-operaturi qegħdin f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti biex fl-istaġun li jmiss ikunu qed joperaw minn siti legalizzati skont ir-regalomenti ġodda.

Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li dan huwa pass importanti biex l-industrija jkollha bażi legali fuqiex issawwar l-operazzjonijiet tagħha, kif ukoll tissalvagwardja lil utenti oħra li jużaw il-kosta. Bis-saħħa ta' din il-konsultazzjoni nistgħu nindirizzaw opinjonijiet tal-pubbliku in ġenerali kif ukoll tas-settur. Dawn huma l-bażi biex jagħtu lid-dipartiment aktar għodda biex iwettaq xogħlu kif ukoll jissaħħaħ b'aktar riżorsi umani. Aktar minn hekk dan l-abbozz ser iniedi t-triq biex b'hekk jitwettqu bosta miżuri li jinstabu fl-istrateġija tal-akwakultura biex jidħlu fis-seħħ.