Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

03/27/2017 | Press release | Distributed by Public on 03/30/2017 01:22

IDDIKJARATI 30 ŻONA GĦALL-ĦARSIEN TA’ SIĠAR RARI U MHEDDA

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħabbru tletin żona oħra għall-ħarsien tas-siġar biex jiġu mħarsa u preservati siti importanti li jagħtu kenn lil siġar rari jew mhedda.

Il-Ministru Herrera qal li t-tnedija ta' dawn iż-żoni hi pass importanti u f'waqtu għall-gżejjer Maltin għax ftit tal-jiem ilu ċċelebrajna l-jum internazzjonali tal-foresti.

Il-Ministru spjega li b'dawn l-inizjattivi l-Gvern qed jibgħat messaġġ b'saħħtu favur l-ambjent kif ukoll itaffi l-impatt fuq l-ambjent li sar matul iż-żmien.

F'Malta nsibu madwar 60 speċi ta' siġar indiġeni b'66% tagħhom rari jew mhedda. Permezz tad-dikjarazzjoni ta' dawn iż-żoni s-siġar qed jingħataw il-ħarsien mistħoqq kemm għal din il-ġenerazzjoni kif ukoll għal ġenerazzjonijiet futuri. In-numru totali ta' żoni għall-ħarsien tas-siġar f'Malta, f'Għawdex u f'Kemmuna hu ta' 60 żona. 23 minn dawn iż-żoni l-ġodda huma f'Malta u 7 huma f'Għawdex.

Uħud miż-żoni jħarsu siġar individwali u gruppi ta' siġar ta' valur bħas-siġar taż-żebbuġ xjuħ f'Ħal Lija filwaqt li oħrajn jiżguraw il-ħarsien ta' siġar rari u mhedda li għandhom distribuzzjoni ristretta f'Malta bħall-ġummar fl-Imtaħleb u bħall-olivastru f'Ta' Xuxa fil-Buskett. Uħud miż-żoni jinkludu wkoll speċi mhux indiġeni li minħabba konsiderazzjonijiet oħra xorta waħda jeħtieġu l-protezzjoni bħall-fikus tat-'Tliet Siġriet' li llum saru punt ta' referenza f'Tas-Sliema. Siġar f'żoni għall-ħarsien tas-siġar huma mħarsa minn attivitajiet u minn operazzjonijiet li jistgħu jkollhom impatti negattivi fuqhom, bħall-iżvilupp.

'Is-siġar huma riżorsi naturali importantissimi kemm għall-valur ekoloġiku u ambjentali, u anke dak ekonomiku ta' pajjiż. F'Malta s-siġar huma karatteristika limitata imma ta' valur għall-pajsaġġ tagħna u din hi waħda mill-ħafna raġunijiet għalfejn għandna nagħmlu l-almu tagħna biex nippreservawhom', insista l-Ministru Herrera.

Is-siġar huma komponent importanti tad-diversità bijoloġika fl-ambjenti naturali, rurali u urbani. Mhux biss għandhom valur intrinsiku għas-soċjetà iżda għandhom ukoll valur xjentifiku, valur storiku u valur edukattiv. Huma kruċjali fil-ħolqien tas-sistema ta' arja aktar pura peress li ma' pjanti oħrajn jibdlu dijossidu tal-karbonju (CO2) f'ossiġnu. Is-siġar jipprovduna b'servizzi essenzjali li jsostnu l-ħajja, bħar-regolazzjoni naturali tal-klima, l-istabilizzazzjoni tal-ħamrija, u l-kontroll tal-ilma tax-xita. Fl-ambjent tal-ibliet, is-siġar joffru dell u kenn filwaqt li jżidu l-valur estetiku taż-żoni mibnija u jikkontribwixxu għall-karattru tar-raħal jew tal-belt, speċjalment fil-każ ta' siġar antiki.

Il-Ministru Herrera temm jgħid li l-Ministeru għall-Ambjent u l-ERA se jkomplu jaħdmu biex itejbu u jsaħħu l-azzjonijiet eżistenti għall-ħarsien tas-siġar u għall-imsaġar bħala parti integrali mill-bijodiversità tal-gżejjer Maltin.