Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

02/18/2017 | Press release | Distributed by Public on 02/23/2017 03:30

BDEW IX-XOGĦLIJIET FI ĠNIEN L-GĦARUSA TAL-MOSTA – IL-MINISTRU JOSÉ HERRERA

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera żar Ġnien l-Għarusa tal-Mosta fejn bħalissa għaddej ix-xogħol f'dan il-masġar li jagħti għal fuq Burmarrad u San Pawl il-Baħar. Ix-xogħlijiet qed isiru wara li fl-aħħar budget il-Gvern approva l-fondi biex dan il-ġnien u Ġnien Dom Mintoff f'Ħal Tarxien jibdew jitranġaw.

Il-ġnien li għal snin sħaħ tħalla f'abbandun u fi stat ta' telqa, u kien lok għall-abbużi, se jiġi trasformat f'post ta' rikreazzjoni għall-familja kollha. Il-perit li qed tieħu ħsieb dan il-proġett spjegat dwar x'se jikkonsistu x-xogħlijiet. Bħalissa qed jitħawlu siġar taż-żebbuġ maturi li qed jieħdu post is-siġar mejta tal-lewż. Fost ix-xogħol li hemm ippjanat li jsir insibu:

• L-installazzjoni ta' rail fit-triq prinċipali qabel id-daħla tal-ġnien.

• Pavimentar ġdid, bankijiet, planters, gazebo, dwal u bins.

• Tiswija ta' ħitan li bħalissa huma mġarrfa.

• Żbir ta' siġar u ta' arbuxelli, qlugħ ta' siġar mejta u tħawwil adattat ta' siġar li se jieħdu post is-

siġar mejta.

• Se tiġi mfassla sistema ta' irrigazzjoni.

• Tiswija u restawr tal-ġibjun.

• Restawr tal-Victoria Lines speċjalment fejn hemm il-ġebel maqlugħ.

Ix-xogħlijiet huma suġġetti għall-applikazzjoni u għall-proċess tal-permessi meħtieġa.

Il-Ministru José Herrera spjega li dan il-ġnien mhux biss hu fost l-akbar u l-isbaħ fil-Gżejjer Maltin iżda jgawdi wkoll minn wirt dinji u patrimonju nazzjonali bħall-Victoria Lines u bħal shelters kbar ta' żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, li jinkludu wkoll war rooms li jinsabu pass 'il bogħod mill-fortizza li twassal għal Wied il-Għasel.

'Dan il-ġnien għandu potenzjal enormi li sfortunatament għad m'aħniex narawh, bħal festivals tat-tip Għanafest, festivals fi żmien l-Imnarja, wirjiet, u teatru peress li dan il-ġnien għandu wkoll Teatru Grieg b'veduti mill-isbaħ fuq l-ambjent rurali ta' Burmarrad', qal il-Ministru Herrera.

Il-Ministru Herrera temm jgħid li malli jitlestew ix-xogħlijiet ippjanati ma jkunx ifisser li x-xogħol kollu jkun spiċċa. Għall-kuntrarju għad fadal aktar xogħol xi jsir u jrid jitkompla b'mod regolari sabiex dan il-ġnien jibqa' jinżamm dejjem fi stat tajjeb, jitgawda mil-poplu kollu, u ma jerġax jispiċċa fl-istat li jinsab fih bħalissa.

Il-ġnien se jerġa' jieħu l-ħajja wara snin sħaħ ta' telqa u ta' abbandun u li l-Mostin tant ilmentaw dwarhom.

Il-Ministru radd ħajr lid-Direttorat tal-Parks u qal li dan id-direttorat għandu l-irwol ċentrali li jkompli jsebbaħ uħud mill-wesgħat li għandna f'pajjiżna.