Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

03/03/2017 | Press release | Distributed by Public on 03/07/2017 03:08

OPEN DAY ĠEWWA R-RISERVA NATURALI TAS-SALINA

​Waqt żjara fil-Park Nazzjonali tas-Salina, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Josè Herrera ħabbar li nhar il-Ħadd 12 ta' Marzu, bejn l-10.30 u l-17:00, il-Ministeru, flimkien mal-Birdlife se jorganizzaw ġurnata għall-familja kollha. Din ser tkun fir-Riserva Naturali tas-Salina, li għal snin twal intużat għall-produzzjoni tal-melħ.

Il-Ministru Herrera qal li waqt din l-open day ser ikun hemm divertiment, kant, żfin, mużika, ikel, logħob għat-tfal, birdwatching, u opportunità biex in-nies igawdu n-natura u l-istorja.

Huwa qal li għall-open day ser ikun hemm servizz ta' Park and Ride bejn l-Akkwarju Nazzjonali fil-Qawra u r-Riserva Naturali tas-Salina b'mezz ta' ferrovija, li ser tkun b'xejn. Ser jiġu offruti wkoll prezzijiet issussidjati tal-Akkwarju Nazzjonali fil-Qawra, u t-tfal jidħlu b'xejn.

Waqt iż-żjara fil-Park Nazzjonali tas-Salina, il-Ministru Herrera ra x-xogħol ta' tisbieħ li qed isir fin-naħa ta' fuq tal-Park. Fost ix-xogħol li hemm maħsub għas-sit, u li diġà nbeda mid-Direttorat tal-Parks, hemm apparat tal-logħob għat-tfal, li ser ikun aċċessibbli għal kulhadd. Barra minn dan, ser tiġi installata sistema ġdida ta' dawl u arbli dekorattivi ġodda, tqegħid ta' turf artifiċjali, u aċċessorji oħra relatati ma' ġonna pubbliċi.