Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

03/04/2017 | Press release | Distributed by Public on 03/07/2017 03:08

30 PJAN TA’ IMMANIĠĠJAR U ORDNIJIET TA’ KONSERVAZZJONI GĦAL SITI TERRESTRI NATURA 2000 F’MALTA

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) stabilixxiet il-prijoritajiet ekoloġiċi għall-immaniġġjar tas-siti kollha tal-art tan-Natura 2000; 22 pjan ta' immaniġġjar u 8 ordnijiet ta' konservazzjoni ġew ippreparati, li jkopru varjetà ta' siti, bħall-irdumijiet ta' madwar il-kosta f'Malta u Għawdex, għaram tar-ramel bħar-Ramla, bwar salmastri bħall-Ballut ta' Marsaxlokk, imsaġar bħall-Buskett, u gżejjer oħra, bħal Filfla u Kemmuna, inkluż il-gżejjer żgħar ta' madwarhom.

Dawn id-dokumenti jindirizzaw l-isfidi urġenti u importanti għall-implimentazzjoni, bil-mira li jħarsu l-kwalitajiet ekoloġiċi u uniċi ta' kull żona. Dawn il-pjanijiet u ordnijiet jinkludu oġġettivi u miżuri speċifiċi għas-sit partikulari bħal, restawr ekoloġiku, kontroll ta' xi attivitajiet, immaniġġjar tal-viżitaturi, rikreazzjoni u turiżmu rurali sostenibbli, inizjattivi ta' għarfien pubbliku, u l-ħarsien u monitoraġġ tal-istess siti. ERA żviluppat dawn id-dokumenti b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati, inkluż NGOs, kunsilli lokali u entitajiet governattivi, fejn l-involviment tagħhom huwa essenzjali għas-suċċess tal-miżuri li ġew identifikati. Kull wieħed minn dawn il-pjanijiet u ordnijiet ġew preparati apposta skont is-sitwazzjoni individwali ta' kull sit, waqt li ġew kkunsidrati kemm il-kuntest soċjo-ekonomiku kif ukoll il-pressjonijiet ambjentali lokali.

Matul is-snin li għaddew, numru konsiderevoli ta' dawn is-siti kienu diġà soġġetti għal azzjonijiet ta' konservazzjoni. Wara l-esperjenza miksuba tul dawn is-snin, l-ERA u l-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima ser ikomplu jaħdmu sabiex itejbu u jsaħħu l-azzjonijiet eżistenti waqt li jesploraw modi oħra għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet li ġew identifikati.

Natura 2000 hija network Ewropea ta' żoni li ġew protetti minħabba l-valur ekoloġiku tagħhom u li ġew stabbilliti bil-għan li jitħarsu l-ispeċi u ambjenti naturali vulnerabbli u mhedda, li jinstabu fil-Membri Stati tal-Unjoni Ewropeja. F'Malta jeżistu 34 sit tal-art Natura 2000, li flimkien ikopru iktar minn 13% tal-art fil-Gżejjer Maltin.

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera, li indirizza il-konferenza tal-aħbarijiet, iddeskriva din l-okkażjoni bħala waħda importanti ħafna, mhux biss għax hija opportunità biex niċċelebraw ir-rikkezza tal-bijodiversità u tal-ekosistemi li għandu pajjiżna, imma wkoll għaliex dak li qed nagħmlu llum qed iġib fi tmiemu xogħol illi sar matul dawn l-aħħar sitt snin, partikolarment fl-aħħar sena li ila mwaqqfa l-ERA. Il-Ministru qal li llum hija raġuni oħra ta' kemm hija għaqlija din id-deċiżjoni li titwaqqaf din l-awtorità. Qal ukoll li permezz ta' dawn il-pjanijiet u ordnijiet, mhux biss ser inkunu qed nipproteġu l-wirt naturali tagħhom imma wkoll ser inkunu qed nattiraw aktar impjiegi fi green jobs. José Herrera qal ukoll li jħares 'il quddiem biex dawn jitpoġġew fil-prattika u jiġu implimentati. Stieden lill-entitajiet governattivi u mhux governattivi u stakeholders oħra, biex jersqu 'il quddiem ħalli magħhom ikompli jibni komunikazzjoni u kollaborazzjoni ħalli huma wkoll jipparteċipaw fit-tmexxija ta' dawn is-siti hekk importanti.

Il-pjanijiet ta' immaniġġjar u l-ordnijiet ta' konservazzjoni għal dawn is-siti ta' Natura 2000 kienu ippreparati permezz tal-proġett 'Management Planning and Implimentation of Communication Measures for Terrestrial Natura 2000 Sites in the Maltese Islands', b'allokazzjoni ta' € 1.3 miljun. Dan kien koordinat mill-ERA u ko-finanzjat mill-Fond Ewropew Agrikolu għall-Iżvilupp Rurali taħt il-Miżura 323 tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali. Dan il-proġett, li kien implimentat permezz ta' Adi Associates u Epsilon International, kien jinkludi ġbir ta' informazzjoni, organizzar ta' surveys, identifikar ta' oġġettivi speċifiċi ta' konservazzjoni u miżuri neċessarji għall-immaniġjar għal kull sit Natura 2000. Permezz ta' dan l-istess proġett, li rebaħ il-'CIEEM Best Practice Award for Stakeholder Engagement 2016', saret kampanja estensiva u wiesa' biex tqajjem kuxjenza li biha ġiet assigurata li l-partijiet konċernati kienu involuti b'mod sħiħ, tul il-proċess kollu tal-eżerċizzju.

Il-pjanijiet ta' immaniġġjar u l-ordnijiet ta' konservazzjoni jistgħu jiġu aċċessati mill-website tal-ERA.