Ministry for Sustainable Development, the Environment and Climate Change of the Republic of Malta

11/17/2016 | Press release | Distributed by Public on 11/24/2016 03:40

IL-MINISTRU JOSÉ HERRERA, F’ISEM IL-PRIM MINISTRU MALTI, JINDIRIZZA L-MEXXEJJA U L-KAPIJIET TA’ STATI MINN MADWAR ID-DINJA FIL-COP 22

F'Marrakech il-Marokk bħalissa qed tiġi organizzata l-laqgħa tal-kapijiet tal-istati u gvernijiet minn madwar id-dinja. F'isem il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru José Herrera qal li din hi laqgħa importanti għax hija l-ewwel konferenza li uffiċjalment tniedi t-Trattat ta' Pariġi f'inqas minn sena wara li ġie konkluż. Malta kienet fost tal-bidu li rratifikat dan it-trattat u fil-fora Ewropej - lejliet il-bidu tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea - wasslet il-messaġġ biex il-pajjiżi li għadhom ma rratifikawx dan it-trattat iħaffu u jagħmlu dan. Dan it-trattat ipoġġi miri ambizzjużi fejn jidħlu t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u Malta, bid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu fuq livell lokali, qed tagħmel il-parti tagħha, qal il-Ministru.

Il-Ministru Herrera tkellem dwar l-inizjattivi li qed jittieħdu mill-Gvern Malti biex jonqsu l-emissjonijiet, bħall-bidla għall-ġenerazzjoni ta' enerġija li twassal għal arja aktar nadifa. Qal li bħalissa qed isir xogħol importanti ħafna biex titfassal l-istrateġija ekonomika li twassal għal inqas emissjonijiet serra. Din l-istrateġija nazzjonali tkompli twitti t-triq biex pajjiżna jieħu deċiżjonijiet u azzjonijiet li jħallu arja aktar nadifa.

Il-Ministru Herrera żied li mill-1990 s'issa l-prodott gross domestiku ta' pajjiżna żdied b'260%, madanakollu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra naqsu. Qal li bejn l-2004 u l-2014 l-emissjonijiet tal-gassijiet serra naqsu bi 22%. Ras għal ras fis-sena 2014 l-emissjonijiet tal-gassijiet serra kienu madwar 7.8 tunellati ta' CO2 li huwa ferm anqas mil-medja tal-UE. Qal li minħabba l-investimenti infrastrutturali li saru f'dawn l-aħħar snin, u qed ikomplu jsiru b'mod partikolari fejn jidħol il-qasam tal-enerġija, bħall-investimenti li qed isiru f'power station ġdida kif ukoll l-użu tal-gass naturali flok il-HFO, qed iħallu l-frott mixtieq. Il-Ministru José Herrera kellem ukoll dwar l-enerġija rinovabbli u l-inizjattivi li qed jittieħdu mill-Gvern.

Dwar il-kontribut finanzjarju l-Ministru Herrera qal li l-Gvern kommess li jibqa' jinvesti u jgħin lill-pajjiżi l-aktar batuti biex huma wkoll ikunu parti minn din ir-revoluzzjoni siekta - imma importanti - ħalli jiġu indirizzati l-emissjonijiet fl-arja. Huwa qal li tramite l-Università ta' Malta, pajjiżna qed jgħin lill-istudenti permezz ta' scholarships ħalli jtejbu l-ħiliet tagħhom f'dan is-suġġett, filwaqt li qed nipprovdu assistenza fuq livell ta' tmexxija.

Minkejja l-qies tagħha Malta tibqa' kommessa favur aġenda ambjentali li għandha tinkludi aġenda soċjali, tenna l-Ministru. Qed nagħtu s-support politiku u morali tagħna biex inkattru l-impjiegi filwaqt li nindirizzaw il-miri ambjentali tagħna, qal Dr Herrera. Din se tkun parti integrali mill-aġenda politika tagħna fl-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla.

Fil-Marokk, il-Ministru Herrera żamm laqgħat bilaterali ma' diversi ministri minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea bi preparazzjoni għall-Presidenza tal-UE. Preżenti fost l-oħrajn kien hemm il-President Franċiż François Hollande. Il-Ministru Herrera, f'isem il-Prim Ministru, kien il-mistieden tar-Re tal-Marokk għal pranzu uffiċjali.

Fi tmiem l-impenji tiegħu fil-Marokk il-Ministru José Herrera ffirma l-Pjan ta' Azzjoni għall-Istrateġija dwar l-Ilma fil-Mediterran, bħala parti mill-5+5.

Ritratti: MSDEC