Ministry for the Economy, Investment and Small Business of the Republic of Malta

06/12/2023 | Press release | Distributed by Public on 06/13/2023 03:19

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Ġnien iż-Żgħażagħ: minn spazju abbandunat għal spazju miftuħ għar-residenti tal-Gudja

Wara li saru xogħlijiet f'żona abbandunata, residenti Gudjani se jkunu jistgħu jgawdu minn spazju miftuħ fi Ġnien iż-Żgħażagħ. ​​

Il-ġnien ingħata ħajja ġdida grazzi għal xogħlijiet ta' riġenerazzjoni li saru permezz ta' materjali sostenibbli. Barra minn hekk, dan il-ġnien jassigura aċċessibbiltà għall-viżitaturi kollha.

Akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv ta' Project Green Steve Ellul, flimkien mas-Sindku tal-Gudja Marija Sara Vella Gafa u membri tal-Kunsill Lokali tal-Gudja, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli faħħret ix-xogħol li sar biex żona ta' 1,100 metru kwadru nbidlet f'żona rikreattiva.

Bħala parti mix-xogħol li sar f'din iż-żona kien jinkludi l-installazzjoni ta' bankijiet tal-picnic magħmulin minn materjal sostenibbli anke għal persuni li jagħmlu użu minn wheelchair. Bi ċnut għolja tal-injam, din iż-żona saret aktar sigura. Fl-istess waqt sar xogħol fil-passaġġ fejn intuża geogrid biex jistabbilizza l-ħamrija u b'hekk jipprovdi passaġġ aċċessibbli filwaqt li jżomm l-elementi naturali tal-art.

Il-Ministru Miriam Dalli rringrazzjat lill-ħaddiema kollha tal-Project Green għad-dedikazzjoni tagħhom kif ukoll għall-impenn tagħhom biex il-proġetti kollha jkunu sostenibbli.

"Ġnien iż-Żgħażagħ huwa proġett ieħor li juri l-impenn tal-gvern fil-ħolqien u fir-riġenerazzjoni ta' spazji miftuħa qrib id-djar tar-residenti. Dawn l-ispazji miftuħa jgħinu biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħna filwaqt li jipprovdu lill-ġenerazzjoni żagħżugħa spazju sigur fejn jilagħbu u jistudjaw," żiedet tgħid il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru Dalli ħeġġet lill-pubbliku biex jagħmel użu responsabbli minn dawn l-ispazji miftuħa u jżomm dawn iż-żoni nodfa.

Il-Kap Eżekuttiv Steve Ellul qal li permezz ta' dan il-ġnien, madwar 3,000 resident fil-Gudja se jkollhom spazju miftuħ isbaħ f'inqas minn għaxar minuti 'l bogħod mir-residenza tagħhom. Huwa spjega li permezz tar-riġenerazzjoni ta' dan l-ispazju miftuħ, żdiedu aktar siġar li jipprovdu arja nadifa lin-nies tal-madwar li ħdejhom għandhom triq arterjali li jgħaddu minnha eluf ta' karozzi kuljum. Is-Sur Ellul għalaq billi saħaq li dawn huma proġetti ħolistiċi li jieħdu f'kunsiderazzjoni l-bżonnijiet tan-nies u taż-żoni tal-madwar.

Ġnien iż-Żgħażagħ huwa fost diversi proġetti li ġew konklużi matul din is-sena fosthom il-picnic area f'San Klement f'Ħaż-Żabbar, ir-riġenerazzjoni tad-Dog Park f'Ta' Qali, l-ewwel Green Open Campus f'Milbrae Grove fil-Mosta u t-tlestija tal-ewwel fażi ta' Ġnien San Filippu fil-Furjana, fost l-oħrajn.

Mill-bidu ta' din is-sena nfetħu aktar minn 40,000m2 ta' spazji miftuħa għall-pubbliku.