Ministry for the Economy, Investment and Small Business of the Republic of Malta

06/24/2023 | Press release | Distributed by Public on 06/25/2023 00:30

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Titnieda l-Work Trial Scheme For Youths sabiex żgħażagħ Għawdxin dan is-sajf ikollhom esperjenza fid-dinja tax-xogħol

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, għal sena oħra, nieda l-iskema Work Trial Scheme For Youths, intiża għaż-żgħażagħ u għall-istudenti Għawdxin ta' bejn is-16 u l-20 sena, biex dan is-sajf ikollhom opportunità li jesperjenzaw id-dinja tax-xogħol ma' entitajiet privati u organizzazzjonijiet mhux governattivi.

Il-Work Trial Scheme for Youths, hi skema tal-Ministeru għal Għawdex, bil-għan li tintroduċi liż-żgħażagħ kif ukoll studenti, li jattendu korsijiet f'diversi entitajiet akkademiċi, fid-dinja tax-xogħol u tgħinhom ukoll fl-għażla tal-karriera tagħhom. Dawn iż-żgħażagħ ser ikollhom l-opportunità li jintegraw u jesploraw id-dinja tax-xogħol, biex b'hekk jiksbu l-esperjenza neċċessarja għall-futur tagħhom.

"L-istudenti jistgħu jaħdmu kemm mal-privat kif ukoll ma' għaqdiet volontarji, biex b'hekk jiżdiedu l-valuri kemm tal-ħidma kif ukoll tar-rispett u s-solidarjetà," tenna l-Ministru Camilleri. Huwa kompla li din l-iskema, li ġiet introdotta ħames snin ilu, dejjem baqgħet tittejjeb hekk kif il-Ministeru ta widen kemm liż-żgħażagħ li pparteċipaw kif ukoll lil dawk l-entitajiet li ngaġġawhom. Permezz ta' din l-iskema, l-istudenti ser ikollhom qliegħ ta' €100 fil-ġimgħa, b'total ta' €500 f'ħames ġimgħat.

L-iskema tibda mit-Tnejn, 7 t'Awwissu u tibqa' effettiva sal-Ħamis, 7 ta' Settembru. Kull min hu interessat li jipparteċipa jista' jissottometti l-applikazzjoni tiegħu bejn it-Tnejn 3 ta' Lulju u l-Ġimgħa 7 ta' Lulju, sa nofsinhar. L-applikazzjoni tinsab online fuq is-sit https://ministryforgozo.gov.mt/en/Pages/eForms/worktrialschemeyouths.aspx jew mill-mobile app 'mygozo'.​​